Japok

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Japok jew Opossum tal-ilma
Ch. minimus.JPG
Japok jew Opossum tal-ilma, Chironectes minimus
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Chordata
Klassi: Mammalia
Sottoklassi: Theria
Infraklassi: Metatheria
Superordni: Ameridelphia
Ordni: Didelphimorphia
(Gill,1872)
Familja: Didelphidae
(Gray,1821)
Sottofamilja: Didelphinae
Ġeneru: Chironectes
(Illiger,1811)
Speċi: C. minimus
Isem binominali
Chironectes minimus
(Zimmermann,1780)
Sottospeċijiet
Firxa Chironectes minimus.PNG
Firxa tal-Japok Chironectes minimus

Il-Japok jew l-Opossum tal-ilma, magħruf xjentifikament bħala Chironectes minimus, huwa mammiferu marsupjal l-uniku membru tal-ordni Chironectes, ikklassifikat fit-tribù Didelphini, tal-familja Didelphidae (didelfidu), fl-ordni Didelphimorphia (didelfimorfju), nattiv tal-kontinenti Amerikani mifrux fin-Nofsinhar tal-kontinent tal-Amerika ta' fuq, fl-Amerika ċentrali u fit-Tramuntana tal-kontinent tal-Amerika ta' isfel, b' xi popolazzjonijiet iżolati fix-xlokk tal-istess kontinent.

Dan l-opossum huwa marsupjal li huwa addattat għal-ħajja semi-akkwatika (addattat għal ħajja parti fuq l-art u parti fl-ilma) u huwa uniku fost il-marsupjali billi meta jħossu mhedded jaħrab fl-ilma, tant huwa addattat għal dan l-ambjent.

Werrej

Deskrizjoni [editja]

L-Opossum tal-ilma ġeneralment ikollu l-pil fin u folt, irħamat ta' lewn griż bl-iswed. Japok adult jikber bejn 27 u 40 ċentimetru, id-denb li jkun ġeneralment ftit itwal mil-ġisem ikun minn 31 sa 43 ċentimetru.

Il-marsupju huwa partikolarità interessanti fil-fisjoloġija tal-Japok. Dan qiegħed preżenti u ferm żviluppat kemm fil-mara kif ukoll fir-raġel. Fiż-żewġ sessi ukoll dan il-marsupju qiegħed magħmmar b' muskolu biex jingħalaq. Fil-mara meta jingħalaq lanqas arja ma tagħddi u b' hekk tkun tista tinżel fl-ilma anke meta jkollha l-frieħ. Fir-raġel dan qiegħed hemm biex jipproteġi l-iskrotu ("scrotum") jew il-borża fejn ikun hemm it-testikoli u jingħalaq meta dan il-marsupjal ikun qiegħed jiġri jew taħt l-ilma, għelkemm dan mhuwiex b' saħħtu daqs tal-mara.

Dieta [editja]

L-Opossum tal-ilma huwa annimal primarjament karnivoru speċjalizzat b' dieta pixxivora, dieta li tikkonsisti prinċipalment minn ħut, gambli u krustaċi ta' l-ilma ħelu (li dan jaqbad bl-idejn sensittivi), għalkemm żrinġijiet, frott u possibilment xi ħaxix ta' l-ilma, huma inklużi fid-dieta ukoll.

Distribuzzjoni [editja]

Chironectes minimus għalkemm għandu distribuzzjoni vasta ma' bosta pajjiżi huwa marsupjal ikklassifikat bħala mhux komuni jew rari u jiddependi ħafna fuq abmbjent ta' xmajjar, għadajjar u artijiet misgħtadra ("wetlands"). Il-firxa tal-Japok tibda mil-Messiku fil-kontinent tal-Amerika ta' fuq sa fil-Grigal tal-Arġentina u fix-Xlokk tal-Brażil fil-kontinent tal-Amerika ta' isfel.

Dan il-marsupjal huwa preżenti fl-Arġentina, Beliże, Bolivja, Brażil, Ekwador, El salvador, Gujana, Gujana Franċiża, Gwatemala, Messiku, Nikaragwa, Kolombja, Kosta Rika, Ħonduras, Panama, Paragwaj, Peru, Surinam u Venezwela.

Riproduzzjoni [editja]

L-Opossum tal-ilma huma kapaċi jirriproduċu kemm il-darba fis-sena, biss fil-Brażil huwa rrapurtat li ħafna drabi t-twelid isir f' Diċembru u f' Jannar għalkemm xi uħud minn nisa nstabu bil-frieħ żgħar tat-twelid fi Frar ukoll. L-imġieba qabel it-tagħmmir tinkludi għaqda akbar jew aktar fil-qrib bejn ir-raġel u l-mara. Ir-raġel jibda jdur madwar il-mara u jiġri warajha l-ħin kollu u l-kuntat orali mal-ġenitali ġie osservat ta' sikwiet.

Il-boton ġeneralment ikun magħmul minn 1 sa 5 ifrieħ, ta' 22 ġurnata wara t-twelid jisspunta l-ewwel pil, ta' 28 ġurnata toħroġ il-pigmentazzjoni (kulur fil-ġilda) u ta' 34 ġurnata jibdew jidhru il-faxxex fil-pil, tipiċi ta' din l-ispeċi. L-għajnejn jinfetħu ta' 38 ġurnata u ta' 40 ġurnata l-frieħ ikunu kbar wisq għal-marsupju tal-omm u filwaqt li rashom tibqa ġewwa ġisimhom joħroġ parti minnhu barra. Ħalqhom jinqala' minn mal-beżżula ta' madwar 48 ġurnata, għalkemm xorta waħda jibqgħu jerdgħu l-ħalib, jorqdu ħdejn ommhom fil-bejta u xi kulltant jaqbdu ma' dahra.

Klassifikazzjoni [editja]

Referenzi [editja]

  • Marshall, Larry G. (1978). Mammalian Species No. 109, American Society of Mammalogists, pp 1-6.
  • Nowak, Ronald M. and Paradiso, John L. (1983). Walker's Mammals of the World Vol.1, 4th edition, The Johns Hopkins University Press, Baltimore and London.
  • Gardner, Alfred (November 16, 2005). Wilson, D. E., and Reeder, D. M. (eds) Mammal Species of the World, 3rd edition, Johns Hopkins University Press. ISBN 0-801-88221-4
  • The Paleobiology Database.

Ħoloq/Linkijiet Esterni [editja]