Influwenza tal-majjali

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Il-virus H1N1.
L-influwenza tal-majjali hi endemika fil-ħnieżer

L-Influwenza tal-majjali tirreferi għall-influwenza kkawżata minn dawk il-forom tal-virus tal-influwenza li s-soltu jinfettaw il-ħnieżer u jissejħu virus tal-influwenza tal-ħnieżer (swine influenza virus). L-influwenza tal-ħnieżer hija komuni fost il-ħnieżer fil-Punent Nofsani tal-Istati Uniti (u kultant fi stati oħra), il-Messiku, il-Kanada, l-Amerka t'Isfel, l-Ewropa (l-aktar fir-Renju Unit, l-Iżvezja u l-Italja), il-Kenja, iċ-Ċina kontinentali, it-Tajwan, il-Ġappun u partijiet oħra mil-Asja tal-Lvant.

It-trażmissjoni tal-virus tal-influwenza tal-ħnieżer mill-ħnieżer għall-bnedmin mhix komuni. Meta dan jiġi trażmess mhux dejjem jikkawża l-influwenza umana u sikwit l-uniku sinjal ta' infezzjoni huwa l-preżenza ta' antikorpi li jistgħu jiġu identifikati biss permezz ta' testijiet fil-laboratorju. Meta t-trażmissjoni tirriżulta f'influwenza fil-bniedem, din tissejjaħ influwenza tal-ħnieżer żoonotika. Nies li jaħdmu mal-ħnieżer, speċjalment dawk esposti b'mod intens għalihom, ikunu qegħdin fir-riskju li jieħdu l-influwenza tal-ħnieżer. Madanakollu, ħamsin trażmissjoni biss ġew irreġistrati ta' din il-kwalità sa min-nofs is-seklu 20, meta l-identifikazzjoni tas-sottotipi tal-influwenza saret possibbli. Il-konsum tal-laħam tal-majjal ma jpoġġix lil dak li jkun f'periklu ta' infezzjoni. Dawn il-forom tal-influwenza tal-ħnieżer jistgħu rarament jittieħdu minn bniedem għal ieħor. Fil-bnedmin, is-sintomi tal-influwenza tal-ħnieżer jixbhu lil dawk tal-influwenza u dawk simili għall-influwenza in ġenerali, jiġifieri bard, deni, uġigħ fil-griżmejn, uġigħ fil-muskoli, uġigħ ta' ras kbir, sogħla, dgħufija u sens ġenerali ta' skumdità.

Jidher li t-tifqigħa ta' din l-influwenza fil-bnedmin fl-2009, magħrufa bħala "l-influwenza tal-majjali", seħħet minħabba forma ġdida li tinxtered malajr tal-virus tal-influwenza A tas-sottotip H1N1 li nħoloq permezz ta' reassortiment minn forma tal-virus tal-influwenza umana, forma tal-virus tal-influwenza tat-tjur u żewġ forom distinti tal-influwenza tal-ħnieżer. L-oriġini ta' din il-forma ġdida għadha mhix magħrufa u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tistqarr li din il-forma mhix limitata biss għall-ħnieżer. Tidher tittieħed faċilment minn bniedem għal ieħor, kapaċità li żviluppat minn mutazzjoni li għadha ma ġietx identifikata. Din il-forma H1N1 tal-2009 tikkawża s-sintomi normali tal-influwenza, bħal deni, sogħla u uġigħ ta' ras.