Hasse Jeppson

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Hasse Jeppson
Hasse Jeppson.jpg
Informazzjoni personali
Isem sħiħ Hans Olof Jeppson
Twelid 10 ta' Mejju 1925 (1925-05-10) (89 sena)
Kungsbacka
Pajjiż Bandiera tal-Iżvezja Żvezja
Rwol Attakkant
Klabbs professjonali*
Snin Klabb Preż Gwls
1948–1951 Djurgården ? (?)
1951 Charlton Athletic 11 (9)
1951–1952 Atalanta 27 (22)
1952–1956 Napoli 112 (52)
1956–1957 Torino 19 (7)
Tim nazzjonali
Żvezja 12 (12)
* Il-preżenzi u l-gowls fil-karriera professjonali huma validi biss għall-kampjonat domestiku.

Hans Olof Jeppson, magħruf sempliċement bħala Hasse (Kungsbacka, 10 ta' Mejju 1925) huwa eks-plejer tal-futbol Żvediż.

Karriera tal-klabb[editja]

Il-bidu fl-Iżvezja[editja]

Beda l-karriera tiegħu ma' Kungsbacka IF, qabel ma' ngħaqad ma' Örgryte IS. Fl-1948, bit-trasferiment tiegħu għal ma' Djurgårdens IF, beda juri tassew il-potenzjal tiegħu: Jeppson spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat Żvediż 1950–51 b'total ta' 17-il gowl u minn dakinhar infetħu l-bibien għal mat-tim nazjonali fejn ħa post Gunnard Nordahl.[1]

Charlton[editja]

Il-prestazzjonijiet brillanti tiegħu matul it-Tazza tad-Dinja 1950, fejn matulha kien serva ta' kaptan tat-tim, attiraw l-attenzjoni ta' Charlton Athletic. Jeppson, li mar l-Ingilterra għal raġunijiet ta' studju f'isem id-ditta li kien jaħdem għaliha u biex jara l-partiti, il-kowċ Jimmy Seed ikkonvinċieh sabiex jissieħeb mat-tim nhar is-6 ta' Jannar, 1951, sabiex sar it-tieni plejer Żvediż li qatt lagħab fil-kampjonat Ingliż, wara Dan Ekner mal-Portsmouth bejn l-1940 u l-1950. Magħhom skorja total ta' 12-il gowl mill-istess numru ta' logħob, sabiex tejjeb il-pożizzjoni tat-tim miż-żona relegazzjoni għal waħda ta' salvazzjoni. Fost oħrajn, irnexxielu jiskorja tripletta f'Highbury kontra l-Arsenal u gowls kontra Liverpool u Chelsea.

Atalanta[editja]

L-esperjenza tiegħu fil-futbol Ingliż intemmet biss wara sena, hekk kif ingħaqad mat-tim tal-Atalanta għall-istaġun 1951–52. B'nuqqas ta' riżultati pożittivi, l-akkwist tal-Iżvediż seħħ narh is-26 ta' Ottubru, 1951, wara li l-kowċ tat-tim Ceresoli kien talab għal rinforzi fl-attakk. L-ewwel logħba tiegħu kienet rebħa ta' 1–0 fuq Como, logħba li ratu jiskorja l-ewwel gowl tiegħu.[1] F'dan l-istaġun għen lit-tim jaqbeż mit-tielet post ta' qabel tal-aħħar tal-klassifika għat-tnax-il post. Fuq il-lat personali, spiċċa r-raba' post fil-klassifika tal-aqwa skorers bi 22 gowl.

Napoli[editja]

Wara staġun impekkabbli kienu n-Napoli li kisbu l-firma tiegħu, fi sfida diretta mal-Inter u Legnano, hekk kif it-tim Naplitan kien qiegħed jibni skwadra denja ta' rebħ tal-kampjonat. L-akkwist tiegħu kien idur maċ-ċifra stratosferika ta' 55 miljun lira; minħabba din is-somma, il-partitarji bdew isejħulu 'o Banca 'e Napule (il-Bank ta' Napli). Man-Napoli mal-ewwel sar wieħed mill-benjamini tat-tim, fejn fl-erba' staġuni li qatta' mal-klabb skorja xejn inqas minn 52 gowl u ifforma koppji offensivi ma' Amedeo Amadei u Luís Vinício. L-attakkant Żvediż jibqa' mfakkar għall-gowls impossibbli li kien jiskorja, u fl-istess ħin, kif kin ifalli okkażjonijiet aktar sempliċi quddiem il-gowlkiper.

Minkejja l-ħafna wegħdiet tal-bidu, l-iskawdra Naplitana kienet biss kompetittiva fl-ewwel sena, meta fl-istaġun 1952–53 waslet sar-raba' post, waqt li minn sena għall-oħra r-rendiment tat-tim beda jmur għall-agħar.

Torino[editja]

Il-karriera ta' Jeppson intemmet fl-1957 wara staġun bil-flokk ta' Torino, fejn irnexxielu jisraq qlub il-partitarji tal-granata b'doppjetta fid-Derby della Mole tas-17 ta' Marzu, 1957, mirbuħ 4–1. It-tim temm l-istaġun fis-seba' post, staġun li temm definittivament il-karriera tiegħu.

Internazzjonali[editja]

Mat-tim nazzjonali ddebutta f'Ġunju tal-1949, fejn skorja wieħed mit-tliet gowls tal-ewwel reħba Żvediża kontra l-Ingilterra. Fis-sena ta' wara kien fost it-tim li ħa sehem fit-Tazza tad-Dinja ġewwa l-Brażil, fejn l-uniċi gowls tiegħu kienu żewġ gowls kontra l-Italja fil-partita tal-ftuħ.[2]

Referenzi[editja]

  1. ^ a b (Taljan) Jeppson, mister 100 milioni: «Il calcio di oggi fa pena». archiviostorico.corriere.it
  2. ^ (Ingliż) How will England's group fare?. independent.co.uk

Ħoloq esterni[editja]