Guy de Maupassant

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Guy de Maupassant
Maupassant 2.jpg
Guy de Maupassant
Twelid 5 ta' Awwissu 1850(1850-08-05)
Tourville-sur-Arques, Franza
Mewt 6 ta' Lulju 1893 (42 sena)
Pariġi, Franza
Okkupazzjoni Rumanzier, novellista
Nazzjonalità Franċiż
Ġeneri Rumanz, novella
Moviment letterarju Realiżmu, Naturaliżmu

Guy de Maupassant (5 t’Awwissu 1850 Tourville-sur-Arques (Seine-Maritime), Franza - 6 ta’ Lulju, 1893, Pariġi) kien kittieb Franċiż tal-aħħar tas-seklu XIX.

Maupassant ħalla marka importanti fuq il-letteratura Franċiża bis-sitt rumanzi tiegħu, fosthom Une vie fl-1883, Bel ami fl-1885, Pierre et Jean fl-1887/1888, imma fuq kollox bin-novelli (iżjed minn 300), xi mdaqqiet imsejħin rakkonti, bħal Boule de Suif fl-1880, Les Contes de la bécasse fl-1883 jew Le Horla fl-1887. Dawn jolqtuna bil-qawwa realistika tagħhom, bl-element ta’ fantastija u bil-pessimiżmu li spiss jispiċċa fix-xejn, imma anki bis-sengħa stilistika. Il-karriera letterarja ta’ Guy de Maupassant kienet biss ta’ għaxar snin – mill-1880 sa l-1890 – sakemm ftit ftit iġġenen u ta’ 43 sena miet b’dil-marda. Guy de Maupassant kien diġa famuż f’ħajtu u l-fama tiegħu baqgħet qawwija sal-lum, imġedda minn bosta adattamenti tax-xogħlijiet tiegħu għaċ-ċinema (pereżempju Jean Renoir) u għat-televiżjoni (pereżempju Claude Santelli).

Bijografija[editja]

Maupassant twieled fix-château de Miromesnil, Tourville-sur-Arques (Seine-Maritime) [1]. Il-familja Maupassant kienet waħda antika li ġiet minn Lorraine u marret Seine-Maritime (in-Normandija) f’nofs is-seklu XIX. Missieru, Gustave de Maupassant, iżżewweġ fl-1846 lil Laure le Poittevin, tfajla tal-borgeżija. Din, ta' tifla, ma’ ħuwa Alfred, kienet ħabiba ta’ Gustave Flaubert, bin kirurgu minn Rouen, li kellu jkun ta’ influwenza kbira fil-ħajja ta’ binha. Kienet mara ta’ kultura mhux komuni, tħobb il-letteratura klassika, l-iżjed ‘il Shakespeare. Mifruda minn żewġha, rabbiet waħidha ż-żewġ subien tagħha, Guy u Hervé, il-kbir.

Maupassant qatta’ tfulitu f’Étretat fid-dar bl-isem "Les Verguies", fejn, bejn il-baħar u r-raba’, kiber fl-imħabba tan-natura u n-namri ta’ barra; kien imur jistad mas-sajjieda tal-post u jitkellem bid-dijalett mal-bdiewa. Kellu rabta profonda ma’ ommu.

L-ewwel daħal is-seminarju żgħir ta’ Yvetot, kif xtaqet ommu, imma rnexxielu jġegħilhom ikeċċuh. Kien f'dak iż-żmien, meta kellu tlettax-il sena, li beda jikteb xi versi. Mill-ewwel laqgħa ma' l-edukazzjoni Kattolika rabba ostilità qawwija lejn ir-reliġjon li baqgħet miegħu għal dejjem. Wara bagħtuh il-liċeo ta’ Rouen, fejn kien student tajjeb, ta ruħu għall-poeżija u ħa parti f’ħafna drammi tat-teatru. Kien hemm li sar ħabib ta’ Louis Bouilhet u fuq kollox ta’ Gustave Flaubert.

Fl-1870, ftit wara li ħa l-baccalauréat, inkiteb bħala volontier għall-Gwerra Franko-Prussjana. Għall-ewwel kien fl-amministrazzjoni u mbagħad fl-artillerija fejn ħa parti fl-irtirata tal-armati Normandiżi quddiem l-avvanz tal-Germaniżi. Wara l-gwerra, ħallas lil xi ħadd biex jagħmel is-servizz militari minfloku u ħalla n-Normandija għal Pariġi fejn għadda għaxar snin, l-ewwel jaħdem fil-Ministeru tal-Baħar u mill-1878 fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Matul dawn l-għaxar snin kien imdejjaq ħafna u l-unika distrazzjoni kienet li jmur bil-kenura fuq is-Seine nhar ta’ Ħadd u fil-vaganzi.

Gustave Flaubert ħadu taħt ġwinħajh u kien miegħu qiesu missier letterarju li għenu u ggwidah fid-dħul tiegħu fil-ġurnaliżmu u l-letteratura. Għandu iltaqa’ mar-rumanzier Russu Ivan Turgenev [2] u ma’ Émile Zola, kif ukoll ma’ bosta kittieba tal-iskejjel naturalisti u realisti. F’daż-żmien kiteb ħafna versi u biċċiet qosra.

Beda jikteb wkoll artikli għal bosta ġurnali importanti bħal Le Figaro , Gil Blas, Le Gaulois u l’Écho de Paris u mbagħad fil-ħin li kien jibqagħlu kien jikteb ir-rumanzi u n-novelli. Fl-1879 ippublika l-ewwel ktieb, Histoire du vieux temps li kien fih xi mitt paġna. Flimkien ma’ Zola, fl-1880 ikkontribwixxa għall-ġabra tax-xogħol tal-kittieba naturalisti, Les Soirées de Médan, bl-ewwel novella tiegħu, Boule de Suif, li mill-ewwel għamlet suċċess kbir u Flaubert iddiskriviha bħala "kapulavur li jibqa’".

L-għaxar snin mil-1880 sa l-1890 kien il-perijodu l-iżjed fertili tal-ħajja ta’ Maupassant: ippublika 6 rumanzi, iżjed minn 300 novella u xi deskrizzjonijiet tal-vjaġġi. Wara li sar famuż bl-ewwel novella, kien jaħdem metodikament u kull sena kien jipproduċi żewġ kotba u xi drabi erbgħa. Bit-talent u s-sens kummerċjali li kellu ma damx ma sar għani.

Fl-1881, ippublika l-ewwel volum ta’ novelli bit-titlu La Maison Tellier, li f’sentejn kellu tnax-il edizzjoni; fl-1883, lesta l-ewwel rumanz tiegħu Une vie, li biegħ ħamsa u għoxrin elf kopja f’inqas minn sena. Bil-flus li qala’ minn La Maison Tellier bena d-dar "La Guillette" f’Étretat.

Fir-rumanzi tiegħu ikkonċentra l-osservazzjonijiet kollha mifruxin fin-novelli. It-tieni rumanz tiegħu, Bel-ami, deher fl-1885 u kien stampat 37 darba f’erba’ xhur. Fl-1887/1888 kiteb wieħed mill-kapulavuri tiegħu, Pierre et Jean.

L-antipatija naturali li kellu għas-soċjetà, ġegħlitu jirtira fis-solitudni u l-meditazzjoni. Ivvjaġġa fit-tul fl-Alġerija, l-Italja, l-Ingiliterra, il-Bretanja, Sqallija, u l-Alvernja u kull vjaġġ kien is-soltu jfisser kotba ġodda. Mar kroċjata fuq il-yacht privat tiegħu "Bel-Ami" imsemmi għar-rumanz tiegħu Bel-Ami li kiteb fl-1885. Din il-kroċjata, li fiha għadda Cannes, Agay u Saint-Tropez, ispiratu biex jikteb Sur l’eau. Dan l-ivvjaġġar ma żammux milli jagħmel ħbieb fost in-nies letterarji importanti ta’ żmienu: Alexandre Dumas it-tifel kien iħobbu bħala missieru. Guy intlaqgħat ukoll mid-dħulija tal-istoriku-filosfu Taine li ltaqa’ f’Aix-les-Bains.

Il-qabar ta' Guy de Maupassant

Flaubert baqa’ l-gwida letterarju tiegħu waqt li l-ħbiberija ta’ Maupassant ma’ l-aħwa Goncourt ma damitx wisq; il-frankezza tiegħu u l-opinjoni qarsa tal-ħajja umana ma kinetx taqbel ma’ l-ambjent ta’ tqassqis, skandlu, dupliċità u kritika għajjura li ż-żewġ aħwa ħolqu madwarhom taħt li-iskuża ta’ salon letterarju fl-istil tas-seklu XVIII.

Fl-aħħar snin trabbiet fih ġibda esaġerata għas-solitudni, biża’ kostanti mill-mewt u ċertu paranoja, forsi minħabba l-marda tas-sifili li kien ħa f’żogħżitu. Fl-ewwel ta’ Jannar tal-1892 ipprova joqtol ruħu b’idejħ billi jxoqq gerżumtu. Għalhekk ħaduh Pariġi fil-klinika tat-tabib Émile Blanche fejn miet b’paralisi ġenerali, xahar qabel ma għalaq 43 sena, fis-6 ta’ Lulju tal-1893, wara li kien mitluf minn sensieh għal sitt xhur. Iċ-ċertifikat tal-mewt kien fih li "twieled Sotteville, qrib Yvetot" u din bdiet il-polemika fuq post twelidu.

Indifen mingħajr tebut fiċ-ċimiterju ta’ Montparnasse f’Pariġi.

Ħarsa lejn ix-xogħol[editja]

Prinċipji estetiċi[editja]

L-idejat ta’ Maupassant fuq l-arti narrativa jidhru speċjalment fil-Prefazju ta’ Pierre et Jean bit-titlu Le roman fl-1887/1888.

Għalih, ir-rumanzier għandu jagħmel kollox fix-xogħol "biex jikseb ir-realtà sempliċi, u biex juri l-bniedem kontemporanju kif jidher quddiem għajnejh", għalih fil-fatti "l-artisti kbar huma dawk li jimponu l-illużjonijiet personali tagħhom".

Maupassant ċaħad ir-rumanz romantiku u l-"viżjoni tiegħu sfurmata, sopra-umana, poetika" u r-rumanz simbolista kkaratterizzat b’psikoloġiżmu żejjed u kitba artistika żejda, u żamm ma’ l-ideal tar-"rumanz objettiv" li jfittex ir-realiżmu imma jaf il-limiti tiegħu. Għalih, "ir-realiżmu hu viżjoni personali tad-dinja li hu (il-kittieb) jipprova jikkomunika billi jirriproduċih fi ktieb" u biex jikseb dan ir-rumanzier immexxi mill personalità tiegħu jagħmel għażla mir-realtà. "Dejjem lilna nfisna irridu nuru", isostni kif ukoll li r-rumanz hu kompożizzjoni artistika, "ġabra bis-sengħa ta’ fatti żgħar minn fejn joħroġ is-sens definittiv tax-xogħol". Maupassant jiċħad ukoll in-naturaliżmu b’dokumentazzjoni dettaljata żżejjed u li jipprova jagħti realiżmu sħieħ bħal dak ta’ Zola, imma jippratika realiżmu mingħajr ma’ jħalli l-moralità żżommu milli jiddiskrivi r-realtà sordida bħal fil-mewt ta’ Forestier f’Bel-Ami jew tal-kelba f’Kapitlu X ta’ Une vie.

Maupassant fittex l-użu meqjus tal-fatti u l-ġesti iżjed mill-ispjegazzjoni psikoloġika għaliex "il-psikoloġija trid tkun moħbija fil-ktieb kif inhi moħbija taħt il-fatti fil-ħajja vera", dan il-qies jgħodd ukoll għad-deskrizzjonijiet tiegħu u hekk inqata’ sewwa mill-istil balzacjan. Minħabba din il-ġibda għal kitba sfiqa fil-qosor Maupassant wera preferenza għan-novella: kiteb iżjed minn tliet mija minn dawn u ħames rumanzi biss, veru f’għaxar snin.

Fl-aħħar Maupassant b’tribut lil Flaubert reġa’ uża l-formula ta’ Buffon li skontu "it-talent hu sabar twil" u żamm "lingwa ċara, loġika u nervuża", kontra il-kitba artistika tas-snin 1880-1890 pereżempju tal-aħwa Goncourt.

Suġġetti[editja]

Is-suġġetti huma marbutin mal-ħajja ta’ kuljum ta’ żmienu u esperjenzi differenti tal-ħajja tal-awtur:

  • In-Normandija, ir-reġjun tat-twelid ta’ Maupassant, kellha post importanti fix-xogħlijiet tiegħu bill-veduti tagħha (kampanja, baħar u bliet bħal Rouen f’Une vie jew Le Havre f’Pierre et Jean) u l-abitanti, jkunu raħħala (Aux champsToine...), nobbli tal-kampanja jew nobbli żgħar (Une vie) jew ta’ borgeżija baxxa (Pierre et Jean). Però in-Normandija ma servietx ta’ kwadru spazjali uniku kif għamlet il-belt ta' Pariġi meta qdiet bħala sfond għar-rumanz kbir tiegħu Bel-Ami li fih juri kwartieri differenti definiti soċjalment, b’mod partikulari l-ambjent mondan u tan-negozju li nerġgħu insibu pereżempju f’Fort comme la mort jew Mont Oriol. L-ambjent tal-impjegati baxxi tal-uffiċini Pariġini u l-popolin aktarx jidher fin-novelli bħal L’héritage jew La parure, Une partie de campagne jew Deux amis għat-tieni.
  • Il-gwerra tal-1870 u l-okkupazzjoni Ġermaniża kienet tema oħra importanti fejn Maupassant fakkar il-ġrajjiet ta’ għaxar jew ħmistax-il sena qabel: il-lista twila, nsemmu biss Boule de suifMademoiselle FifiDeux amisLe père MilonLa folle
  • Fuq il-pjan uman, Maupassant kien iħobb jiddiskrivi n-nisa, sikwit bħala vittmi (Jeanne f’ Une vie, La petite Roque, Miss Harriet...) u speċjalment il-figura ta' prostituta (Boule de suifMademoiselle FifiLa maison Tellier...). Is-suġġett tal-familja u tal-iben jew bint hu daqshom għal qalbu sikwit bil-kwistjoni tal-paternità (Pierre et JeanBoitelleAux champsL’enfantEn famille…).
  • Fost is-suġġetti ewlenin oħra fix-xogħol ta’ Maupassant insibu l-ġenn, id-depressjoni u l-paranoja (Le Horla - Lui ? - La chevelure - Mademoiselle Hermet li tibda bil-kliem li jikxfu ħafna "l-imġienen jiġbduni...") u anki l-mewt u l-qirda (Une vie - Bel-Ami - La petite Roque - Fort comme la mort…). Ix-xeħta pessimista ta’ dawn it-temi fejn l-imħabba hiena ftit hemm postha, issib madankollu kultant kontrapunt fit-tema tal-ilma, li jista’ jkun il-baħar (Une vie - Pierre et Jean...), ix-xmajjar (Sur l’eau - Mouche - Une partie de Campagne...) jew l-frugħ u l-mili tal-baħar (Amour...).

Hi mela personalità qawwija imma mħawda u sewda li toħroġ mix-xogħlijiet l-iżjed personali.

Toni dominanti[editja]

It-ton realista hu mifrux ma’ kullimkien bl-għażla ta’ dettalji tal-ħajja ta’ kuljum, l-imġiba tal-persunaġġi u l-effetti tal-lingwa pittoreska, imma it-ton fantastiku jikkaretterizza bil-qawwa ċerti xogħlijiet fejn l-irreali jeżisti bħala realtà possibbli, billi l-awtur jisfrotta it-tema tal-ġenn (La chevelureLa tombe - Le Horla…).

Miexi parallelament ma’ dawn, hemm it-ton dramatiku li sikwit jinkiseb bil-preżenza ta’ xi theddida (il-ġenn f’Le Horla – in-niket quddiem il-mewt ta’ Bel-Ami…) jew l-għib ta' xi ħadd (l-istupru u l-qtil tat-tifla Roque, il-firda f’Boitelle – bosta mwiet flimkien f’Une vie - suwiċidju ta’ Miss Harriet…). Din l-opinjoni pessimista u mnikkta tal-bnedmin u ħajjithom, viżjoni sewdenija tal-imġiba soċjali u personali bejniethom, f’xi każi ġġiegħelna nitkellmu wkoll fuq it-ton traġiku bħal f’La Folle jew f’Le père Amable.

Għall-inqas it-ton komiku jidher ukoll għalkemm hu spiss aħrax. Il-komiku jintuża fil-kliem u l-ġesti kif ukoll fil-karattri b’karikaturi ta’ raħħala (« La ficelle » – « La Bête à Maît’ Belhomme ») jew fil-persunaġġ ta’ raġel imqarraq mill-mara li ma jafx x’inhu jiġri f’Pierre et Jean, u joħroġ ukoll il-komiku fid-drawwiet tal-impjegati (L’héritage) jew ta’ borgeżin ġodda bħal f’Bel-Ami fejn jitħalltu pereżempju l-imħabba u l-flus.

It-taħlit ta’ dawn it-tonijiet differenti jagħti lix-xogħol ta’ Maupassant kolorazzjoni li tispikka u minnha joħroġ stil personali kkaratteriżat b’kitba sfiqa li tirrifletti l-post prominenti tan-novelli fil-kitba tal-awtur.

Metodi stilistiċi u narrativi[editja]

  • L-arti ta’ Maupassant hi magħmula minn bilanċ bejn ir-rakkont ta’ inċidenti, id-deskrizzjonijiet limitati u funzjonali, u l-logħob bejn “taħdit dirett”, “taħdit indirett” u “taħdiet indirett ħieles”. [3] Hu wkoll karatterizzat bl-użu ta’ sentenzi aktarx qsar b’punteġġ espressiv u paragrafi qsar ukoll, daqshekk qsar li jagħtu dehra ta’ paġna spazjata. Il-lingwa, minn naħa tagħha, formali fir-rakkont, dinamika fit-taħdit dirett u pittoreska fit-traskrizzjoni tal-kliem tal-popolin.

Eżempju – estratt (bid-dialogu mqassar) minn Pierre et Jean (Kap. 8) :

Mela joqgħod imlibbes mimdud fuq is-sodda u joħlom il-ġurnata kollha.
Għal xi d-disgħa joħroġ biex jara jekk dak li jrid jagħmel hux possibbli.

Imbagħad, wara ħafna mixi u bosta żjariet, mar id-dar tal-ġenituri tiegħu. Ommu kienet qed tistennieh magħluqa f’kamritha. (…)

Leħen is-seftura jinstema’ mill-fond tal-kantina. :
— Haw', Sinjur, x’għandek bżonn?
— Fejn hi s-Sinjura ?
— Is-sinjura fuq mas-Sur Jean ! (...)
— Haw' ara, ġejt int! Mela ġà ddejjaqt fid-dar tiegħek.
— Le, missier, imma għandi xi ħaġa x’ngħid 'il ommi dal-għodu.
Jean resaq, idu miftuħa, u meta l-għafsa ta’ missier, tax-xwejjaħ ħassha tingħalaq fuq is-swaba’ tiegħu, qabditu emozzjoni stramba u li ma kienx stennieha, l-emozzjoni tal-firda u tas-saħħiet mingħajr tama li jiġi lura.
  • F’dak li għandu x’jaqsam ma l-organizzazzjoni tar-rakkont, Maupassant juża l-iżjed narrazzjoni linjari u mbagħad jerġa’ lura bi spejgazzjoni limitata (f’Bel-Ami pereżempju).

Waqt li r-rumanzi huma miktubin fi stil klassiku fit-tielet persuna, minn punto di vista dominanti, in-novelli jużaw varjetà narrativa kbira u fihom Maupassant jilgħab bl-għażla ta’ rakkontaturi differenti. Fil-fatti hemm xi rakkonti fit-tielet persuna indirizzati direttament lill-qarrej (Une partie de campagneAux champs - Deux amis - Mademoiselle Fifi - Boule de suif...) u xi rakkonti fl-ewwel persuna fejn in-narratur li jista’ jkun persunaġġ prinċipali jew sekondarju, jirrakkonta xi tifkira personali (Un réveillonMon oncle SosthèneQui sait ?...) u dan jiġġustifika l-isem ta’ conte. F’xi wħud minn dawn tal-aħħar ir-rakkontatur prinċipali jindirizza xi semmiegħ jew semmigħa u jirrakonta xi ġrajja f’ħajtu (Conte de Noël - Apparition - La main ...). X’imdaqqiet ir-rakkonti fl-ewwel persuna huma midfuna f’rakkont iżjed vast fejn xi persunaġġ jgħid quddiem xi persunaġġi oħra xi storja li kien sema’ qabel (La rempailleuse) jew li kien ħa parti fiha (La mainLa petite Roque...). Xi drabi oħra, ir-rakkont hu ppreżentat bħala manuskritt (La chevelure) jew ittra (Lui ?).

Hekk l-għana ta’ temi ttratti, il-viżjoni personali tad-dinja li toħroġ mis-sengħa tal-kitba tiegħu jqegħdu ‘l Guy de Maupassant fil-quċċata tal-kittieba tal-proża tas-seklu IX u b’mod partikulari jagħmluh l-akbar awtur tan-novelli fil-litteratura Franċiża.

Xogħlijiet ta’ Maupassant[editja]

Ix-xogħlijiet immarkati (ktieb elettroniku) jistgħu jinkisbu b’xejn f’format elettroniku fil-Project Gutenberg. Imxi mal-ħolqa biex issibhom.

Rumanzi u novelli[editja]

Nota : Maupassant kiteb ukoll xi xogħlijiet taħt laqam bħal

  • Joseph Prunier, li uża fl-1875 għall-ewwel novella tiegħu, La Main d’écorché.
  • Guy de Valmont, li uża għal Gustave Flaubert (1876) u baqa' juża sa l-1878.
  • Maufrigneuse, li uża mill-1881 sa l-1885.

Publikazzjoniiet f’ordni kronoloġika :

Teatru[editja]

  • Histoire du vieux temps (1879)
  • Musotte (1890)
  • La paix du ménage (1893)
  • Une répétition (1910)

Sorsi[editja]

Bibljografija[editja]

Ħoloq esterni[editja]

Noti[editja]

  1. ^ Hemm kontroversja fuq il-post tat-twelid tiegħu: skond ipoteżi waħda twieled Fécamp fil-5 t’Awwissu, 1850 f’Bout-Menteux, u skond ipoteżi oħra fix-château de Miromesnil (Tourville-sur-Arques), kif jgħid iċ-ċertifikat tat-twelid.
  2. ^ (Иван Сергеевич Тургенев) qegħdin nużaw it-transliterazzjoni xjentifika (International Scholarly System).
  3. ^ Fil-grammatka it-“taħdit dirett” jikkonsisti f’traskrizzjoni eżatta tal-kliem mtenni minn tielet persuna. It-“taħdit indirett” hu l-mod kif jiġi reportat f’propożizzjoni subordinata, il-kliem li jkun ntqal qabel. It-“taħdiet indirett ħieles” hu tip ta’ “taħdit indirett” impliċitu.