Gowler (futbol)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Gowlkiper (futbol))
Gowler tal-futbol

Fil-futbol, il-gowler jokkupa pożizzjoni li tirrapreżenta l-aħħar linja difensiva bejn l-attakk tat-tim avversarju u l-lasta tat-tim tiegħu. L-irwol primarju tal-gowler hu li jiddefendi l-lasta tat-tim tiegħu u jevita li l-oppożizzjoni tiskorja. Il-gowler huwa l-uniku plejer li għandu permess li jmiss il-ballun b'idejh waqt il-logħba. Madanakollu dan jista' jsir biss fil-kaxxa tal-''penalty''. Kull tim għandu bżonn li jkollu gowler fil-grawnd il-ħin kollu matul il-partita. Jekk gowler ikun imġiegħel li jħalli l-grawnd minħabba li jew ikun weġġa' jew kien imkeċċi, plejer ieħor irid jieħu l-pożizzjoni tiegħu, anki jekk it-tim ma jkollux gowler bħala sostitut u/jew ikunu wżaw is-sostituzzjonijiet kollha.

Meta jingħataw in-numru tal-flokk lill-plejers tat-tim, jekk ma tkunx użata s-sistema tan-numru tal-iskwadra, in-numru 1 hu ġenerlament riservat għall-gowler. Eċċezzjonijiet sinjifikanti jinkludu lill-Arġentin Ubaldo Fillol, li libes in-numru 5 u 7 fit-Tazza tad-Dinja 1978 u fl-1982, u Vítor Baía, il-gowler Portugiż li libes in-numru 99 fl-aħħar parti tal-karriera.

Il-figura tal-gowler fil-kultura popolari[immodifika | immodifika s-sors]

Dino Zoff, ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa gowlers fuq livell mondjali

Il-gowler hu figura separata mill-kumplament tat-tim. Minkejja li jkun 'il bogħod mill-azzjoni tal-attakk, hu hu dedikat għall-protezzjoni ta' żona definita tal-grawnd, dik tal-aħħar sittax-il metru ta' logħob, fejn hemmhekk hu hu – jew aħjar, ikun – il-kap assolut. Minkejja li ħafna jaħsbu li l-gowler hu plejer spettakolari u, f'ċertu sensi, drammatiku, kuntrarjament dan l-irwol għandu jittrażmetti trankwilità għad-difiża kollha.

L-ewwel gowler ta' importanza mondjali kien l-Ispanjol Ricardo Zamora, imsejjaħ id-Divin, li kien mogħni bi stil elastiku imma sigur. Wara l-gwerra, gowlers ta' valur kbir kienu s-Sovjetiku Lev Yashin, magħruf aktar bħala il-Brimba Sewda minħabba l-kuluri tal-ilbies tiegħu, l-Ingliż Gordon Banks, magħruf bħala Banks of England, il-Ġermaniż "Sepp" Maier, it-Taljan Dino Zoff u l-Arġentin Ubaldo Matildo Fillol magħruf aktar bħala el Pato (il-papra).

Is-snin sebgħin raw jifjorixxu ġenerazzjoni ta' gowlers tal-istil aktar disinvolt milli dak formali bħal Zoff u Maier. Fost dawn insibu lill-Iżvediż Ronnie Hellström, li kellu teknika kbira madanakollu ma tantx kellu l-aqwa atteġġjamenti kemm ġewwa u barra l-grawnd, u l-Olandiż Jan Jongbloed, famuż li kien iħalli spiss l-lasta u jipproponi l-logħob tiegħu għal sħabu. Fi żmien aktar riċenti, gowler li kien iġib ispirazzjoni u jentużjażma lil sħabu kien il-Kolombjan René Higuita, li fil-grawnd kien jesebixxi xi drabi bil-parata msejjħa "tal-iskorpjun", fejn hu jistrieħ fuq idejh waqt li jolqot il-ballun b'għarqubu.

Minkejja li minn dejjem kien hemm gowlers li kienu speċjalizzati li jagħtu l-penalties, huwa rari li wieħed isib l-isem ta' gowler fil-kategorija tal-gowls skurjati. Aktar rari minn hekk, jekk mhux ukoll singulari, li ssib gowler li skorja f'okkażjonijiet diversi minn penalty. Min-naħa l-oħra, ċerti gowlers bħal Rogério Ceni u José Luis Chilavert huma esperti minn free-kicks. Fil-fatt, Ceni skorja iktar minn 100 gowl għal São Paulo.

Rekords[immodifika | immodifika s-sors]

L-aktar gowler li qatt sewa flus kien Gianluigi Buffon, meta Juventus kienu ħallsu 52.29 miljun lil Parma. Ir-rekord Brittaniku hu miżmum mill-Ispanjol David de Gea li iffirma ma' Manchester United minn Atlético Madrid għas-somma ta' €22 miljun fl-2011.

L-aktar gowl veloċi skurjat minn gowler kien minn Paul Smith ta' Nottingham Forest wara 23 sekonda, fit-18 ta' Settembru 2007, meta Leicester City qablu li jagħtu gowl lil Nottingham Forest f'partita valida mit-tieni rawnd tal-Football League Cup. Dan wara li l-partita oriġinali kienet abbandunata minħabba li l-plejer ta' City Clive Clarke kien sofra attakk ta' qalb fi tmiem l-ewwel taqsima meta Forest kienu 1–0 minn fuq. Nottingham Forest tilfu l-logħba 3–2.

Xi gowlers saru prominenti minħabba n-numru ta' gowls li skurjaw; per eżempju, José Luis Chilavert hu l-uniku gowler li skorja tripletta f'partita waħda, u dan għamlu permezz ta' tliet penalties. Hu kien espert ukoll fil-free-kicks. Rogério Ceni iżomm ir-rekord tal-ikbar ammont ta' gowls skorjati minn gowler, bil-100 gowl tiegħu jasal fis-27 ta' Marzu 2011.

Gowlers popolari[immodifika | immodifika s-sors]

Elezzjonijiet Ċentinarji tal-IFFHS[immodifika | immodifika s-sors]

Il-lista segwenti turi l-aqwa 20 gowler minn sondaġġ tal-IFFHS għall-aqwa gowlers tas-seklu 21 (2001–2011).[1]

  1. Italja Gianluigi Buffon (199)
  2. Spanja Iker Casillas (197)
  3. Repubblika Ċeka Petr Cech (154)
  4. Netherlands Edwin van der Sar (116)
  5. Ġermanja Oliver Kahn (99)
  6. Brażil Dida (90)
  7. Spanja Víctor Valdés (82)
  8. Brażil Júlio César (76)
  9. Ġermanja Jens Lehmann (72)
  10. Arġentina Roberto Abbondanzieri (68)
  11. Franza Fabien Barthez (55)
  12. Spanja Pepe Reina (54)
  13. Brażil Rogério Ceni (53)
  14. Italja Francesco Toldo (52)
  15. Russja Igor Akinfeev (47)
  16. Polonja Jerzy Dudek (42)
  17. Stati Uniti Tim Howard (36)
  18. Ġermanja Manuel Neuer (36)
  19. Spanja Santiago Cañizares (35)
  20. Paragwaj Justo Villar (34)

L-Aqwa Gowler tas-Sena tal-IFFHS[immodifika | immodifika s-sors]

Din hi lista tal-aqwa gowlers magħżula mill-IFFHS kull sena mill-1987.[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "The World's best Goalkeeper of the 21st Century" (bl-Ingliż). IFFHS. Miġbur 2012-04-12.
  2. ^ Pierrend, José Luis. "IFFHS' World's Best Goalkeeper of the Year" (bl-Ingliż). RSSSF.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]