Glen Johnson
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
| Informazzjoni personali | |||
|---|---|---|---|
| Isem sħiħ | Glen McLeod Cooper Johnson | ||
| Twelid | 23 ta' Awwissu 1984 Dartford |
||
| Pajjiż | |||
| Tul | 1.82 m | ||
| Rwol | Difensur | ||
| Informazzjoni fuq il-klabb | |||
| Klabb kurrenti | Portsmouth | ||
| Numru | 5 | ||
| Klabbs ġovanili | |||
| 2000–2001 | West Ham United | ||
| Klabbs professjonali* | |||
| Snin | Klabb | Preż† | (Gwls)† |
| 2001–2003 | West Ham United | 15 | (0) |
| 2002 | → Millwall (self) | 8 | (0) |
| 2003–2007 | Chelsea | 41 | (3) |
| 2006–2007 | → Portsmouth (self) | 26 | (0) |
| 2007–2009 | Portsmouth | 56 | (4) |
| 2009– | Liverpool | 8 | (2) |
| Tim nazzjonali | |||
| 2003– | Ingilterra | 20 | (0) |
| * Il-preżenzi u l-gowls fil-karriera professjonali huma validi biss għall-kampjonat domestiku. † Preżenzi (Gowls). Aġġornament: 16:25, 18 Ottubru 2009 (UTC) |
|||
Glen McLeod Cooper Johnson (Dartford, 23 ta' Awwissu 1984) hu plejer tal-futbol Ingliż li jilgħab fil-Premier League Ingliż flimkien ma' Liverpool, u deher ukoll f'isem it-tim nazzjonali Ingliż. Il-pożizzjoni prinċipali tiegħu hi dik fuq il-faxxa leminija, u hu kapaċi jilgħab ukoll bħala difensur xellugi jew fuq il-lemin ta' nofs il-grawnd.
Werrej |
[editja] Karriera
[editja] West Ham
Johnson kien prodott tas-sistema ġovanili ta' West Ham United, u l-ewwel kuntratt professjonali wasal nhar l-1 ta' Awwissu 2001 fl-età ta' 16-il sena, kuntratt ta' tliet snin fejn ingħata l-flokk numru 23.[1] Biċ-ċansijiet mal-ewwel tim ikunu limitati, eventwalment hu ngħaqad mar-rivali lokali Millwall taħt self għal erba' ġimgħat, fejn iddebutta fiċ-Championship f'telfa barra minn darhom kontra Norwich City tad-19 ta' Ottubru. Il-perjodu ta' self ġie estiż darbtejn f'xahar, qabel ma ġie msejjaħ lura lejn Upton Park. Id-debutt mat-tim tal-kapitali Ingliża wasal fit-22 ta' Jannar 2003, fit-telfa kontra Charlton Athletic, fejn daħal bħala sostitut għall-midfilder Édouard Cissé.[2] Hu għamel total ta' ħmistax-il dehra fil-Premiership — u dehra oħra fl-FA Cup — matul l-istaġun 2002–03, fejn kien sar pedina importanti fit-tim ta' West Ham. Nhar it-18 ta' Marzu 2003 iffirma kuntratt ġdid ta' erba' snin.[1] Madanakollu, l-aħħar dehra bil-flokk tal-Hammers wasal fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat, fil-11 ta' Mejju 2003, fil-pari barra minn darhom kontra Birmingham — partita li kellhom bżonn jirbħu biex b'hekk rathom jiġu relegati għall-Ewwel Diviżjoni.[3]
[editja] Chelsea
Xahrejn biss wara, hu ngħaqad mar-rivali tal-kapitali Chelsea, fejn iffirma nhar il-15 ta' Lulju għal somma ta' madwar £6 miljun.[4] Id-debutt tiegħu wasal fit-13 ta' Awwissu fir-rebħa kontra Žilina fiċ-Champions League 2003–04, u l-ewwel gowl tiegħu wasal fil-partita ta' ritorn, ġimgħatejn wara. Fil-kampjonat iddebutta f'Anfield kontra Liverpool, fis-17 ta' Awwissu, imma kellu jistenna sad-9 ta' Novembru biex isib l-ewwel gowl tiegħu mal-Blues fejn fetaħ l-iskor fir-rebħa kbira ta' 5–0 fuq Newcastle United.
Bil-preżenza ta' Paulo Ferreira u l-plejer versatili Geremi, matul l-istaġun 2005–06 Johnson lagħab biss ftit partiti. B'riżultat t'hekk, f'Ġunju tal-2006 Johnson ingħaqad ma' Portsmouth għal perjodu ta' self sal-aħħar tal-istaġun, u fir-ritorn tiegħu ma' Chelsea beda l-finali tal-Community Shield 2007 u l-ewwel partita tal-istaġun kontra Birmingham City.
[editja] Portsmouth
Nhar il-31 ta' Awwissu 2007, fl-aħħar ġurnata tas-suq tat-trasferimenti, Johnson iffirma kuntratt ta' erba snin ma' Portsmouth, għal somma li ddur madwar l-£4 miljun.[5] Mid-debutt tiegħu fit-telfa ta' 3–1 kontra l-Arsenal, hu sar regulari mal-ewwel ħdax fuq il-faxxa leminija tad-difiża. L-ewwel gowl tiegħu wasal fl-20 ta' Ottubru b'azzjoni personali minn nofs il-grawnd kontra Wigan Athletic. L-ewwel unur mat-tim il-ġdid kienet l-FA Cup 2008, fejn lagħab il-partita sħiħa kontra Cardiff.
Il-prestazzjonijiet tajbin tiegħu wasslu biex ikun hemm għajdut li timijiet bħal Liverpool lesti li joffru £9 miljun għas-servizzi ta' Johnson, però dan tal-aħħar nhar id-9 ta' Jannar 2009 iffirma kuntratt ġdid ta' erba' snin u nofs.[6] Madanakollu, l-għajdut fuq possibbiltà ta' trasferiment ma waqfux.[7]
Fi tmiem l-istaġun 2008–09 ġie msejjaħ fit-Tim tas-Sena tal-PFA minkejja staġun diżappuntanti għal Portsmouth fejn irnexxielhom iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni Ingliża, b'7 punti 'l fuq mir-relegazzjoni.[8]
Rappreżentant ta' Portsmouth ikkonferma fit-13 ta' Ġunju 2009 li saret offerta għal Johnson u hu kellu aktar ċans li fl-istaġun li jmiss jilgħab ma' klabb ġdid, b'Chelsea, Liverpool u Manchester City ikunu fost l-interessati. Fis-16 ta' Ġunju 2009, Portsmouth qablu fuq somma ta' madwar £17-il miljun mit-tim ta' Liverpool li għelbu lil Chelsea u Manchester City għall-firma tal-plejer. Glen Johnson stqarr ma' xi uffiċjali ta' Anfield li hu jridu jingħaqad mar-Reds.[9]
[editja] Liverpool
Nhar it-22 ta' Ġunju ġie finalizzat it-trasferiment tiegħu għal mat-tim ta' Liverpool fejn iffirma kuntratt ta' erba' snin.[10] Johnson iddebutta fl-ewwel partita tal-istaġun, fit-telfa ta' 2–1 kontra Tottenham Hotspur, waqt li l-ewwel gowl tiegħu wasal fid-19 ta' Awwissu 2009 kontra Stoke City.[11]
[editja] Internazzjonali
Johnson ingħata d-debutt mat-tim nazzjonali tal-Ingilterra nhar it-18 ta' Novembru 2003 kontra d-Danimarka, fejn daħal bħala sostitut għall-imweġġa' Gary Neville wara sittax-il minuta.
Wara prestazzjonijiet xejn brillanti fil-logħba tal-ħbiberija kontra d-Danimarka ta' Awwissu 2005, hu tilef postu bħala s-"sostitut" ta' Gary Neville lil Luke Young, li lagħab fiż-żewġ partiti ta' kwalifika tat-Tazza tad-Dinja. Johnson kellu jistenna sal-ħatra ta' Fabio Capello bħala l-kowċ il-ġdid tal-Ingilterra, li semmieh mal-iskwadra ta' Jannar 2008. Ir-ritorn tiegħu wasal fir-rebħa ta' 2–0 fuq l-Andorra.
[editja] Unuri
[editja] Klabb
- Football League Cup: 2005
- FA Cup: 2008
[editja] Referenzi
- ^ a b Hammers clinch Johnson deal (Ingliż), BBC Sport, 18-03-2003 (Aċċessata nhar il-19-08-2008).
- ^ Charlton 4-2 West Ham Match (Ingliż), BBC Sport, 11-02-2003 (Aċċessata nhar il-19-08-2008).
- ^ Birmingham 2-2 West Ham (Ingliż), BBC Sport, 11-05-2003 (Aċċessata nhar il-19-08-2008).
- ^ Johnson seals Chelsea move (Ingliż), BBC Sport, 15-07-2003 (Aċċessata nhar il-19-08-2008).
- ^ Portsmouth sign full-back Johnson (Ingliż), BBC Sport, 31-08-2007 (Aċċessata nhar il-31-08-2007}).
- ^ Johnson signs contract (Ingliż), BBC Sport, 09-01-2009 (Aċċessata nhar il-09-01-2009).
- ^ Benitez must sell before buying (Ingliż), BBC Sport, 28-04-2009 (Aċċessata nhar il-28-04-2009).
- ^ Giggs wins Player of Year award (Ingliż), Premier League, 27-04-2009.
- ^ Liverpool poised to sign Johnson (Ingliż). BBC Sport (16-06-2009). Aċċessata nhar il-16-06-2009.
- ^ REDS AGREE JOHNSON DEAL (Ingliż). Liverpoolfc.tv (22-06-2009). Aċċessata nhar il-24-06-2009.
- ^ Liverpool 4 - 0 Stoke (Ingliż). BBC (19-08-2009). Aċċessata nhar il-19-08-2009.
[editja] Ħoloq esterni
- Statistika fuq Soccerbase.com
- Profil fuq il-BBC
- Profil fuq FootballDatabase
|
|||||