Giuseppe Calì

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Ritratt ta' Giuseppe Calì impinġi mill-istudent tiegħu Edward Caruana Dingli

Giuseppe Calì (Valletta, 14 ta’ Awwissu, 1846 - Valletta, 1 ta’ Marzu, 1930) kien pittur Malti ta' nisel Naplitan, ta' bejn is-sekli 19 u 20 li pinġa ħafna pitturi reliġjużi fil-knejjes ta' Malta u Għawdex.

Werrej

[editja] Bijografija

Giuseppe kien iben Raffaele, xenografu fit-Teatru Rjali u Giovanna Padiglione li kienet mezzo-sopran. Il-ġenituri tiegħu kienu t-tnejn Naplitani. Ġie mgħammed fil-Knisja ta' Portu Salvu l-Belt. Fost il-familja ta' dan l-artist, insibu tnejn li kienu artisti u għalhekk tista tgħid li l-arti kienet biċċa minnhu. Fl-1871 iżżewweġ lil Perennia Pace, mill-Isla, u kellu għaxart itfal; fosthom, Ramiro Calì, li kien ukoll pittur.

Sa minn età żgħira, Calì kien wera potenzjal u talent kbir. Ta' sbatax-il sena, mar jistudja l-arti taħt in-Neoklassiku Giuseppe Mancinelli fl- Accademia delle Belle Arti f'Napli.

L-akbar xogħlijiet tiegħu li għadhom meqjusa bħala fost l-aqwa kapulavuri tiegħu huma, Il-Mewt ta' Dragut 1867 fil-Mużew tal-Arti, Valletta, u dik ta' San Ġlormu, 1881 li tinstab fil-knisja tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema.

Calì kien għamel impatt immedjat fuq is-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien u ismu kien sar magħruf sew. Kien magħruf għall-pittura b'mod partikulari tal-wiċċ. Beda jaħdem fuq ħafna xogħol kummissjonat għal dekorazzjoni ta’ djar privati, veduti kif ukoll ritratti ta’ suġġetti Maltin. L-ewwel xogħol b’tema reliġjuża ta Calì kien il-kwadru intitolat Il-Verġni tar-Rużarju li kien maħdum għall-knisja parrokjali tal-Mosta. Numru kbir ta’ knejjes f'Malta jagħtu xhieda tas-sengħa u l-versatilità ta’ dan il-pittur prolifiku. Kien ukoll il-fundatur tal-iskola moderna tal-arti Maltija.

Il-kapaċità u l-virtwożitá ta’ Calì jidhru sew fil-kwadru titulari ta' San Duminku għall-knisja parrokjali tal-belt Valletta ddedikata lill-Madonna ta’ Porto Salvo,'Il-Profeti'; fil-knisja tal-Mosta, ir-ritratti tan-negozzjant Agostino Cassar Torregini u l-maġistrat Carbone; It-'Tre Rome u Natività' fil-paroċċa ta' Ħal Luqa. 'L-Apoteosi ta' San Franġisk' fil-knisja ta’ San Franġisk fil-belt Valletta kienet hija ukoll xhieda tal-virtwożità kbira ta' dan il-pittur, hemm għidut li kien magħruf bħala x-xitan tal-pinzell, ghall-ħeffa u l-kilba li kellu ghax-xoghol. Barra li kien pittur, kien ukoll skultur, minjaturista u kif ukoll ritrattista.

Giuseppe Calì miet il-Belt Valletta fl-1 ta’ Marzu, 1930 fl-eta ta' 84 sena. Huwa ġie kommemorat mir-Repubblika ta’ Malta b’sett ta’ erba’ bollol fl-1996, u b’munita fl-2004.

[editja] Uhud mix-Xogħlijiet ta' Calì fil-Knejjes Maltin

Il-Mewt ta' Dragut

L-isem ta' Giuseppe Calì hu isem marbut mal-knejjes Maltin. Uħud mix-xoghlijiet, li jixhdu t-talent ta' dan il-pittur Malti huma dawn li ġejjien:

  • Il-Mewt ta’ Dragut, ikkunsidrat bħala l-aqwa xogħol tiegħu, fil-Mużew tal-Arti, Valletta.
  • Kwadri titulari ta’ San Ġlormu u San Lawrenz, Knisja Parrokkjali tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema.
  • Kwadru titulari ta’ San Duminku, Knisja Parrokkjali ta’ Porto Salvo, Valletta.
  • Tre Rome u Natività, Knisja Parrokkjali Ħal Luqa.
  • Apoteosi ta’ San Franġisk, Knisja Parrokkjali ta’ San Franġisk, Valletta.
  • San Gorg fil-Glorja, Knisja Parrokkjali ta' San Ġorġ, Ħal Qormi.
  • In-Nativita, Koppla Knisja Parrokkjali ta' Ħal Lija.
  • San Lawrenz u San Stiefnu, Knisja Parrokkjali ta' San Pawl, Valletta.
  • Il-Madonna tal Vitorja, Kwadru Titulari tal-Knisja tal-Mellieħa.
  • Il-Glorja ta' San Lawrenz, Knisja Parrokjali ta' San Lawrenz, San Lawrenz, Għawdex.
  • Il-Madonna tar-Ruzarju, Knisja Parrokjali tal-Imqabba

[editja] Bibljografija

  • Emmanuel Fiorentino, Louis A. Grasso, Giuseppe Calì: 1846-1930, Said International, 1991, ISBN 1 871684 85 8

[editja] Ħoloq esterni

[1] Bollol kommemorattivi li ġew maħruġa fl-1996

Għodda personali
Spazji tal-isem

Varjanti
Azzjonijiet
Navigazzjoni
Komunità
Għodda
F'lingwi oħrajn