Ħal Għargħur

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Għargħur)
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Ħal Għargħur huwa wieħed mill-iżgħar u l-eqdem irħula ta' Malta. Ħal Għargħur jinstab fuq għolja bejn żewġ widien fil-grigal ta' Malta. Il-populazzjoni tiegħu hi ta' 2,389 ruħ. L-arma ta' dan il-lokal tikonsisti fi stilla ħamra fuq trijanglu aħmar bi sfond lewn il-fidda, bil-motto 'Excelsior' li jfisser 'L-Ogħla'. Il-motto jindika l-fatt li dan il-lokal huwa wieħed mill-ogħla f'Malta.

Hawn instabu xi fdalijiet Rumani matul kostruzzjoni fuq triq, li wara nġarrew għall-Mużew tad-'Domus Romana' fir-Rabat. Hemm dokument li jirreferi għal Ħal Għargħur sa mill-1419, fil-lista tad-Dejma, li kienet milizja li tieħu ħsieb Malta minn xi attakki tal-furbani. Dan ir-raħal għadda minn żminijiet mingħajr abitanti matul il-Medju Evu Għoli, kif ukoll f'xi snin ta' wara minħabba attakki tal-furbani.

Il-komunità ta' Ħal Għargħur tgħix ħajja rurali, partikolarment bis-saħħa tal-ħamrija fertili u l-ilma ġieri. Imma xorta waħda, il-parruċċani ta' dan il-lokal irnexxielhom iħallsu għall-bini tal-knisja parrokkjali u bosta kappelli oħrajn li għandhom eżempju tajjeb ta' stil Barokk. L-attrazzjoni prinċipali ta' dan ir-raħal, minbarra l-ambjent ħadrani tal-madwar, hija l-Knisja Parrokkjali ddedikata lil San Bartilmew Appostlu. Minn ġewwa hija fuq stil Doriku, iżda għandha faċċata Barokka. Il-faċċata oriġinali ġiet imġarrfa u nbniet dik li tidher illum fl-1743. Il-knisja ġiet mibnija bejn l-1610 u l-1638 fuq il-pjanta ta' l-arkitett Malti Tumas Dingli.

It-teżori ta' din il-knisja jinkludu l-istatwa ta' San Bartilmew, maħduma fl-injam. Din inħadmet ġewwa Ruma mill-arkitett Malti Melchiore Gafà. Din l-istatwa saret lejn l-1666 u hija maħsuba li hija kopja ta' l-istatwa ta' San Giovanni Laterno f'Ruma. Din l-istatwa ġiet mixtrija mir-raħal fl-1772. Sar restawr fuqha fl-1912. Fl-2005 l-istatwa reġgħat ġiet restawrata, u ġiet ristrutturata wkolln-niċċa tagħha. Din l-istatwa hija t-tieni l-itqal fil-Gżejjer Maltin.