Forti Sant’Anġlu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Forti Sant'Anġlu)
Forti Sant’Anġlu

Il-Forti Sant’Anġlu hija fortifikazzjoni li tinsab fil-ponta tal-Birgu u sseparata minn din il-Belt b'foss li hu mimli bl-ilma baħar. Il-fortizza hi dedikata lil Sant’Anġlu ta’ Sqallija fil-Birgu.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Żmien Medjevali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-forti nbniet fl-istat li tidher illum biż-żmien, iżda mhux magħrufa d-data meta kien l-oriġini ta' din il-fortizza. Fi żmien li Malta kienet maħkuma minn Ruma hawn kien hawn tempju x'aktarx ddedikat lil Juno. Jista' jkun li l-fortizza bdiet tinbena fi żmien Biżantin jew dak Għarbi. Fi żmien il-Medjuevu Tardiv, hawn kien hawn diversi ġwarniġġoni mmexxija mill-Kastellan. Wara li Malta saret parti mir-Renju ta' Sqallija, fis-seklu XII beda jinbena torri, u llum għad fadal xi fdalijiet tiegħu ġewwa l-fortizza. Fis-seklu tlettax, waqt il-ħakma tal-Anġevini, hemm dokumenti li jsemmu Castrum Maris (Kastell qrib il-Baħar) fil-ponta tal-Birgu li kellu 150 suldat u ftit armi. Fl-1283 wara xi żmien li saret battalja fil-Port il-Kbir bejn l-Anġevini u l-Aragoniżi, dawn tal-aħħar ħadu il-kastell u t-tmeixxja ta' Malta f'idejhom.

Żmien l-Ordni[immodifika | immodifika s-sors]

Meta l-Kavallieri ta' San Ġwann waslu Malta fl-1530, għażlu li jistabbilixxu ruħhom fil-Birgu u mhux fl-Imdina, u l-fortizza ta' Sant Anġlu saret is-sede amministrattiv tal-Gran Mastri sakemm dawn marru l-Belt Valletta. Sal-1536 il-Kavallieri saħħew il-Castrum Maris billi bnew foss u aktar swar madwar il-forti. Meta t-Torok attakkaw fl-1551, raw li l-Forti Sant’Anġlu kien b'saħħtu wisq u ddeċidew li ma jattakkawhx. Waqt l-Assedju l-Kbir, il-fortizza rreżistiet it-Torok għal darb'oħra. Wara l-Assedju, il-Kavallieri bnew il-Belt Valletta. Fit-22 ta' Mejju l-Ordni telqgħet il-Forti Sant'Anġlu u mar jgħammar fil-belt il-ġdida. It-tqassim tal-fortizza kif inhi llum hu attribwit lil Carlos de Grunenburgh, li ddisinja diversi partijiet mill-fortizza meta din kienet qed tiġi rrestawrata lejn it-tmiem tas-seklu sbatax. Wara dan ir-restawr il-fortifikazzjoni kellha xi 80 kanun, li 48 minnhom kienu jħarsu lejn il-bokka tal-port.

Mal-wasla tal-Franċiżi fl-1798 il-forti serviet bħala wieħed mill-kwartieri tal-Armata Franċiża.

Żmien l-Ingliżi[immodifika | immodifika s-sors]

Mal-wasla tal-Ingliżi fl-1800, Forti Sant’Anġlu saret il-bażi ta' żewġ battaljuni mit-35th Regiment. Fl-1912, il-forti ttieħed mir-Royal Navy u ġiet imniżżla bħala HMS Egremont, u saret il-bażi għall-flotta Ingliża fil-Mediterran. Fl-1933 il-fortizza inbidlila isimha għal HMS Saint Angelo. L-Ingliżi bnew batterija taħt is-swar, b'kanuni kbar iħarsu lejn il-bokka tal-Port, u fuq in-naħa tal-Kalkara. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-forti intlaqtet kemm-il darba mill-balal mitfugħa mill-għadu - 69 balla diretta bejn l-1940 u l-1943. Meta l-forzi Ingliżi telqu minn Malta fl-1979 il-forti ngħatat lill-gvern Malti.

Il-forti llum[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1998 il-forti ngħatat lura lill-Ordni Militari Sovran ta' Malta b'ċens ta' 99 sena. Fil-5 ta' Marzu 2012, ġie kkonfermat li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali allokat €13.4 miljun għar-restawr u konservazzjoni tas-sit. llum il-forti għandha parti minnha - dik tan-nofs, f'idejn Heritage Malta, u wieħed jista' jżura. Il-parti ta' fuq hi f'idejn l-Ordni ta' San Ġwann. Hemm jgħix Kavallier wieħed waħdu.

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Koordinati: 35°53′31″N 14°31′6″E / 35.89194°N 14.51833°E / 35.89194; 14.51833