Divorzju

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Id-Divorzju (jew xoljiment taż-żwieġ) huwa t-terminazzjoni tal-għaqda matrimonjali, li jħassar id-doveri u responsabbiltajiet legali taż-żwieġ u jħoll l-għaqda taż-żwieġ bejn il-partijiet. F'ħafna pajjiżi d-divorzju jenħtieġ ordni tal-qorti jew ta' xi awtorità oħra bi proċess legali. Il-proċess legali jista' jinvolvi ukoll kwistjonijiet ta' manteniment tal-mara u tat-tfal u t-taqsim tal-propjetà u tad-dejn.

F'ħafna pajjiżi tal-punent, id-divorzju ma jiddikjarax iż-żwieġ null, bħalma jiġri fl-annullament, iżda jħassar l-istatus ta' żwieġ li kellhom il-partijiet. Fejn il-monogamija hija fil-liġi, id-divorzju jħalli liż-żewġ partijiet li kienu miżżewġin jerġgħu jiżżewġu lil ħaddieħor. Il-liġijiet tad-divorzju jvarjaw ħafna madwar id-dinja. L-uniċi żewġ pajjiżi li ma jikkontemplawx divorzju fil-liġijiet tagħhom huma l-Istat tal-Belt tal-Vatikan u l-Filippini. F'Malta se jsir referendum fit-28 ta' Mejju 2011 biex il-Maltin jgħidu jekk iridux id-divorzju. Bejn l-1971 u l-2011, ħames pajjiżi Ewropej daħħlu d-divorzju: Spanja, l-Italja, il-Portugal, ir-Repubblika tal-Irlanda u Malta.

Il-Liġi tad-Divorzju f'Malta[editja]

Kien hemm żewġ okkażjonijiet meta l-iktar li resaq viċin Gvern biex ipoġġi d-divorzju fuq l-aġenda. Fl-1975 meta il-Gvern Laburista ta' Dom Mintoff kien daħħal iż-żwieġ u l-annullament ċivili, il-liġi ipprovdiet ukoll biex il-qrati Maltin ikunu jistgħu jirrikonoxxu d-divorzji barranin. Il-Liġi imma naqset milli tagħti l-fakultà lill-qrati Maltin jamministraw id-divorzju huma. It-tieni okkażjoni wasslet fl-1998 meta l-Kummissjoni għall-Futur tal-Familja mwaqqfa mill-Prim Ministru Alfred Sant irrakkomandat li jidħol id-divorzju permezz ta’ vot ħieles fil-Parlament.

L-ewwel okkażjoni meta l-Parlament seta’ wasal biex jiddibatti liġi tad-divorzju kien qabel l-1996 meta fil-kapaċità personali tiegħu d-deputat Laburista Joe Brincat, li dakinhar ma kienx jifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista, ippreżenta mozzjoni privata (Private Member’s Bill) biex ikun introdott id-divorzju għal dawk il-koppji li jkunu ilhom separati ħames snin. Il-mozzjoni privata qatt ma telgħet fuq l-aġenda tal-Parlament.

Kien hemm diversi okkażjonijiet oħra fejn Membri Parlamentari b’mod individwali esprimew pożizzjoni favur id-divorzju waqt xi dibattitu jew diskors fil-Parlament.

Fis-Sebgħinijiet kien hemm ukoll tentattiv mill-Għaqda Żgħażagħ Laburisti biex fil-Partit Laburista ssir diskussjoni dwar id-divorzju fid-dawl tal-bidliet ċivili li beda jipproponi l-partit imma l-isforzi sfumaw fix-xejn.

Alternattiva Demokratika pproponiet l-introduzzjoni tad-divorzju f’kull manifest elettorali sa mill-1992 lil hawn. Kien l-uniku partit politiku li tkellem b’mod ċar dwar il-ħtieġa li jiddaħħal id-divorzju fis-sistema legali.

Sa minn qabel il-ħatra tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista f'Ġunju 2008, Joseph Muscat wiegħed kemm-il darba li fl-ewwel darba li jkun hemm Gvern Laburista hu personalment (Private Member’s Bill) kien se jressaq liġi tad-divorzju għall-approvazzjoni tal-Parlament.

F'Lulju 2008, il-Ministru tal-Politika Soċjali John Dalli qal li beħsiebu jqanqal dibattitu fil-Kabinett dwar il-bżonn li tiddaħħal liġi tad-divorzju. Kliem Dalli sab l-appoġġ tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

2011: Pullicino Orlando[editja]

Nhar is-6 ta' Lulju 2010, id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando ressaq Private Member’s Bill fil-Parlament biex jiġi introdott id-divorzju.

Fl-istess jum, l-Ar­ċisqof Pawlu Cre­mona stqarr li l-Private Member’s Bill li ppreżenta dakinhar id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando fil-Parlament kienet bħal sajjetta fil-bnazzi, peress li l-kwistjoni tad-dħul tad-divorzju ma saritx referenza għaliha fil-manifest elettorali taż-żewġ partiti l-kbar matul il-kampanja elettorali tal-aħħar Elezzjoni Ġenerali.

F'Nota Pastorali fis-17 ta' Ottubru 2010, li nqrat fil-parroċċi kollha, l-Arċisqof Cremona u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qalu li hija l-attitudni tagħna li trid tinbidel, u mhux iż-żwieġ. “Kieku Ġesù kien fostna llum u konna ngħidulu li fid-dinja kollha daħħlu d-divorzju, żgur li ma kinitx tinbidel it-tweġiba tiegħu. Kien jgħid li dak minħabba l-ebusija ta’ qalbna.” Qalu li l-ebda nisrani ma jista’ jippretendi li Ġesù kien iwieġeb li biex insaħħu ż-żwieġ, għandu jidħol id-divorzju. Wara d-divorzju, ma tistax titkellem iktar fuq żwieġ dejjiemi, stabbli, bħalma kien il-pjan ta’ Alla fil-bidu.

F'Novembru 2010 twaqqaf il-Moviment Iva għad-Divorzju, b'Deborah Schembri, ċerpersin tal-movimenti, u b'membri prominenti bħall-Membri Parlamentari Evarist Bartolo u Jeffrey Pulli­cino Orlando, iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Michael Briguglio u Yvonne Ebejer Arqueros mill-istess par­tit, l-eks Ministru Nazzjonalista Dr. Michael Falzon u Marlene Mizzi.

F'Jannar 2011 twaqqaf il-Moviment Żwieġ bla Divorzju b'esponenti bħal Dr. Andrè Camilleri u Dr. Anna Vella.

Fi Frar 2011, il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni kontra d-dħul tad-divorzju, iżda l-Prim Ministru Lawrence Gonzi ta vot ħieles lill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti. Gonzi kien tal-fehma li minħabba li m'hemmx mandat elettorali biex jidħol id-divorzju, din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-poplu.

Ir-Referendum[editja]

Nhar is-16 ta' Marzu 2011 tressqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni quddiem il-Parlament dwar kif għandha tkun il-mistoqsija tar-referendum li se jsir fit-28 ta' Mejju 2011, jiġifieri “Taqbel mal-introduzzjoni tal-għażla tad-divorzju f’każ ta’ koppja miż­żewġa li tkun ilha sseparata jew tkun ilha ma tgħix flimkien għal mill-inqas erba’ snin u meta ma jkun hemm l-ebda tama raġjonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin, fil-waqt li jkun garantit manteniment adegwat u jkunu mħarsa t-tfal?” Din għaddiet għax ivvutat għaliha l-Oppożizzjoni kollha u żewġ Membri Parlamentari Nazzjonalisti, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett. Għar-Referendum tat-28 ta' Mejju ħarġu jivvutaw 232,691 persuna jew 73% ta' dawk li kellhom dritt jivvutaw.

Nhar id-29 ta' Mejju 2011, l-għada tar-Referendum, tħabbar li dan għadda b’maġġoranza ta’ 53.2%, b'distakk ta' 14,576 vot. Fi tliet distretti biss – minn 13 – kien hemm iktar minn ivvota kontra l-introduzzjoni tad-divorzju: it-8 Distrett (Birkirkara eċċ.) - 52% kontra, il-11-il Distrett (Mosta eċċ.)- 54% kontra u t-13-il Distrett (Għaw­dex), fejn kważi 70% tal-elettorat espri­ma l-pożizzjoni tiegħu kontra. F’xandira rrekordjata, il-Prim Mi­nistru Lawrence Gonzi qal li għalkemm ir-riżultat ma kienx dak li xtaq hu, ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu se tkun irrispettata u l-Parlament se jkun qiegħed iħejji biex jilleġiżla l-introduzzjoni tad-divorzju. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Joseph Muscat sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li fiha ddikjara li b’dan ir-riżultat, bdiet titwieled Malta differenti, Malta ġdida. Huwa wera ruħu sodisfatt li fil-ġimgħat li għaddew, tkellem fil-beraħ dwar il-pożizzjoni tiegħu, minflok għażel li jistaħba. Joseph Muscat qal li huwa kburi li għamel dak kollu li huwa sewwa, minflok għażel li jagħmel dak li kien ikun l-inqas politikament riskjuż u l-aktar politikament konvenjenti.

Fil-Parlament[editja]

Nhar it-13 ta' Lulju 2011, għadda mill-Parlament it-tieni qari tal-abbozz ta' liġi dwar id-dħul tad-divorzju f'Malta, b'44 vot favur, 13-il vot kontra u 12-il astensjoni. Il-Priministru Gonzi u l-Ministri kollha, barra wieħed (Joseph Cassar) ivvutaw kontra jew astjenew. Il-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni vvutaw kollha favur, ħlief Adrian Vassallo li vvota kontra u Marie-Louise Coleiro Preca li astjeniet. Tnax -il Membru Parlamentari Nazzjonalista vvutaw favur.

Nhar il-25 ta' Lulju 2011, b’maġġoranza ta’ 52 vot favur, 11-il vot kontra (Frederick Azzopardi, Jason Azzopardi, Tonio Borg, Giovanna De­bono, Louis Deguara, Beppe Fenech Adami, Austin Gatt, Lawrence Gonzi, Carmelo Mifsud Bonnici, Edwin Vassallo u Philip Mifsud) u 5 astensjonijiet, il-Parlament approva mill-istadju finali tat-Tielet Qari l-abbozz ta’ liġi dwar id-divorzju.

Il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 t'Ottubru 2011.

Nhar il-15 ta' Lulju 2011 il-Viċi Sindku ta' Tas-Sliema Cyrus Engerer irriżenja minn kull kariga fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u ingħaqad mal-Partit Laburista. Dan għamlu għax iddiżappunta ruħu għall-mod kif il-Prim Ministru vvota fil-parlament dwar it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar id-divorzju u "l-prinċipji u l-valuri liberali u demokratiċi tiegħi huma f'kunflitt mal-prattiċi li qed jippersistu fil-Partit Nazzjonalista".