Daphne Caruana Galizia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Daphne Caruana Galizia (26 ta' Awwissu 1964) hija ġurnalista, opinjonista anglofona ta' gazzetta u blogger Maltija.

Bijografija[editja]

Bdiet taħdem fil-mezzi tax-xandir fl-1988, u malajr stabbilixxiet lilha nnifisha bħala waħda fost l-aktar ġurnalisti kontroversjali ta' Malta bil-kolonna tagħha fl-edizzjoni tal-Ħadd tat-Times of Malta, is-Sunday Times. Caruana Galizia tkeċċiet mit-Times fl-1996 wara li l-gazzetta rrifjutat li tippubblika artiklu li kitbet fuq il-President Emeritus Guido de Marco u t-tifla tiegħu, Dott.ssa Gianella Caruana Curran (avukata). Dan l-artiklu imbagħad deher fuq the Malta Independent.

Caruana Galizia mill-ewwel saret magħrufa għall-veduti żbukkati u ħorox tagħha dwar kwistjonijiet politiċi u soċjali. Il-kitba tagħha tvarja minn gossip fuq persunaġġi pubbliċi Maltin sa analiżi kritiċi tar-realtà soċjo-politika Maltija. Fi Frar tal-2010 il-Maġistrata Consuelo Herrera ħassitha mmalafamata b'għadd ta' artikli li deheru fuq il-blogg tagħha u fittxitha għal libell.[1] Flimkien ma' Andrew Borg-Cardona, kienet waħda mill-kittieba li kkritikaw bl-aħrax lil-lemin estrem Malti, speċjalment dak assoċjat mal-fehmiet ta' Norman Lowell dwar l-immigranti illegali.[2]

Il-perspettiva femminista ta' Caruana Galizia hija waħda kemmxejn aggressiva, li tħeġġeġ lin-nisa ma jivvittimizzawx rwieħhom. Meta impjegata Maltija rebħet l-ewwel każ ta' molestji sesswali ta' natura verbali fuq il-post tax-xogħol,[3] – rebħa li kienet meqjusa bħala suċċess għall-mara Maltija – Daphne qalet li f'każijiet bħal dawn il-mara għandha tirreaġixxi u mhux iġġib ruħha b'mod, li skont kif tifimha hi, hu "infantili".[4]

Nhar it-8 ta' Marzu 2013, Caruana Galizia ġiet arrestata filgħaxija wara li kisret il-jum ta' riflessjoni ta' qabel l-elezzjonijiet ġenerali.[5] Dan wara li kitbet artikli fuq il-blogg tagħha meqjusa bħala ta' natura politika.[6]

Ħajja privata[editja]

Daphne Caruana Galizia miżżewġa u għandha tliet ulied. Studjat l-arkeoloġija fl-Università ta' Malta. Tiddeskrivi ruħha bħala ġardinara akkanita u li tħobb il-qari aktar minn kull ħaġa oħra.

Referenzi[editja]

  1. ^ Waylon Johnston. (Ingliż) Daphne Caruana Galizia expected to face charges of defamation. Times of Malta, 12 ta' Frar 2010
  2. ^ Daphen Caruana Galizia. (Ingliż) Dying in the desert. DaphneCaruanaGalizia.com, 4 ta' Settembru 2010
  3. ^ Matthew Xuereb. (Ingliż) Awarded €2,000 in first case of verbal sexual abuse. TimesOfMalta.com, 2 ta' Awwissu 2010
  4. ^ Daphne Caruana Galizia. (Ingliż) It's not sexual harrassment. It's bullying.. DaphneCaruanaGalizia.com, 8 ta' Awwissu 2010
  5. ^ (Ingliż) Caruana Galizia questioned by police for breaching 'political silence'. Times of Malta, 8 ta' Marzu 2013. Aċċess tal-URL: 9 ta' Marzu 2013.
  6. ^ Daphen Caruana Galizia. (Ingliż) Arrested at 9.30pm for posting three videos mocking Joseph Muscat at 7.30pm: THE GOLDEN YEARS OF LABOUR+POLICE HELL. DaphneCaruanaGalizia.com, 8 ta' Marzu 2013. Aċċess tal-URL: 9 ta' Marzu 2013.

Ħoloq esterni[editja]