Charles Manson

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Charles Manson f'ritratt tal-1971

Charles Milles Manson (Cincinnati, 12 ta' Novembru 1934) huwa kriminal Amerikan li mexxa dik li saret magħrufa bħala l-Familja Manson (Manson Family), grupp ta' żgħażagħ iffurmat lejn l-aħħar tas-snin sittin ġewwa Kalifornja.[1] Hu ġie mixli bil-konfoffa għall-qtil ta' Sharon Tate u ta' Leno u Rosemary LaBianca, li saru mill-membri tal-grupp skont l-istruzzjonijiet tiegħu. Aktar tard instab ħati ta' dawn l-omiċidji.

Fi żmien il-formazzjoni tal-Familja, Manson kien eks-karċerat qiegħed, li kien qatta' nofs ħajtu f'faċilitajiet korrettivi wara serje ta' offiżi. Fil-perjodu qabel il-qtil, hu kien okkażjonalment ikun membru tal-industrija mużikali ta' Los Angeles. Wara li Manson instab ħati tad-delitti, ir-reġistrazzjonijiet tal-kanzunetti miktuba u kantati minnu ħarġu kummerċjalment. Fid-deċennji segwenti, artisti bħal Guns N' Roses u Marily Manson kantaw dawn il-kanzunetti.

Il-piena tal-mewt mogħtija lil Manson ġiet awtomatikament ridotta għal għomor il-ħabs meta deċiżjoni tal-1972 mill-Qorti Suprema ta' California temporanjament eliminat il-piena tal-mewt.[2] L-istabbiliment mill-ġdid tal-piena kapitali f'California ma affetwatx lil Manson, li jinsab detenut fil-Corcoran State Prison.

Bijografija[editja]

It-tfulija[editja]

Charles Manson twieled fl-1934 ġewwa Cincinnati, Ohio. Ommu, Kathleen Maddox, trabbiet f'familja reliġjuża u dixipplinata. Kawża ta' din l-istil ta' ħajja kemmxejn riġidu, hi ħarbet mid-dar meta kellha sittax-il sena u biex taqla' l-għajxien tagħha ddeċidiet li tibda taħdem bħala prostituta. Charles kien konċepit kawża ta' wieħed mir-rapporti li kellha ommu, u meta ġiet mistoqsiha x'kien se jkun l-isem li kienet se tagħti lil binha, hi ma kinitx taf x'ħa tirrispondi, tant li l-wild il-ġdid ingħata l-isem ta' "No Name Maddox". Kienu ftit xhur wara li t-tifel ingħata l-isem ta' Charles, waqt li kunjomu kien Manson, minħabba li ommu għal dak il-perjodu kienet miżżewwġa lil ċertu wieħed bl-isem ta' William Manson.[3]

Wara l-arrest ta' ommu minħabba problemi marbuta mad-droga u xi serqiet, fl-età ta' ħames snin it-tfajjel Charles ġie afdat f'idejn iz-zijiet tiegħu li kienu jgħixu f'West Virginia. Minħabba li kienu fanatiċi tar-reliġjon, imponew fuq in-neputi edukazzjoni stretta u ħarxa. Manson kien l-aktar igerger fuq iz-ziju, li kien jinsultah u jumiljah quddiem kulħadd; Manson stess stqarr li darba minnhom zijuh obbligah jilbes ta' tifla fl-ewwel ġurnata tal-iskola, fejn imbarazzah quddiem sħabu kollha tal-iskola.

Zijuh kien jivvjolentah u beda jfittex kif seta' jeħles minnu permezz tal-adozzjoni. Il-fastidji kollha li sofra kkontribwew għall-bidla fil-psike ta' Charles, fejn ħarab mid-dar ta' tnax-il sena u trabba qalb it-toroq.

L-adoloxxenza u l-ewwel sinjali ta' bidla[editja]

Fil-fażi tal-adoloxxenza bdiet il-ħajja tiegħu bħala kriminal, fejn iddedika ħinu f'serqiet fuq karozzi u f'serqiet fi ħwienet. Fi żmien ftit xhur ġie arrestat u karċerat f'Virginia. F'dan l-istess ħabs Charles sofra minn aktar vjolenza minn sħabu li kienu ikbar minnu. Imdejjaq bl-abbużi kontinwi fuqu, Charles tgħallem kif jiddefendi ruħu u l-instabilità mentali tiegħu bdiet tikber aktar. Il-piena tiegħu fil-ħabs ġiet estiża meta qasam il-kranju ta' detentur u fera lil ieħor b'oġġett bla ponta. Fl-1954, meta kellu 20 sena, ġie meħlus mill-ħabs.

Manson kien mogħni b'makakkerija u l-abilità ta' kif jitkellem ma kinitx differenti: fi ftit seduti ta' dibattitu rnexxielu jdawwar il-kummissjoni favurih u jikkonvinċiha li jixraqlu l-libertà proviżorja. Charles deher li kien inbidel. F'Jannar tal-1955, iżżewweġ lil Rosalie Jean Willis, tfajla li kienet taħdem l-isptar. Skont kif jistqarr hu, hu sab ferħ ġenwin, anke jekk kien ta' ftit żmien, fil-ħajja miżżewġa tiegħu, u kien jirnexxielu jsostni ż-żwieġ tagħhom permezz ta' xi xogħlijiet u serq ta' karozzi.[4]

Rosalie tat il-ħajja lit-tifel tagħhom, Charles Manson Jr., waqt li Manson kien qed jiskonta sentenza l-ħabs. Matul l-ewwel sena tiegħu f'Terminal Island, Manson irċieva visti mingħand martu u ommu, li kienu qed jgħixu flimkien ġewwa Los Angeles; imma f'Marzu tal-1957, meta l-visti ma' martu waqfu, ommu infurmatu li Rosalie kienet qed tgħix ma' raġel ieħor. Il-mara tiegħu, li kienet kontra l-ħajja kriminali tar-raġel tagħha, kiseb id-divorzju u Charles ġie impriġunat mill-ġdid f'ħabs f'California.

Il-Familja[editja]

Charles ġie meħlus fuq libertà kondizzjonali f'Marzu tal-1967, sena fejn il-moviment hippie kien jinsab fl-aqwa tiegħu u, hekk kif ħareġ, ingħaqad immedjatament magħhom. Fil-fatt, sar sostenitur tal-Beatles u inbidel għal mużiċista hippie, fejn ta l-frott lit-tagħlim li kien ħa fil-ħabs minn karċerat anzjan li kien għallmu kif idoqq il-kitarra.

Charles kien qed jipponta lejn is-suċċess u ddeċieda li jmur San Francisco, fejn hemmhekk stabilixxa ruħu bħala guru. Dan kien fi żmien il-leġġendarju "Summer of Love", fejn ġabar madwaru grupp ta' żgħażagħ (kemm ġuvintur kif ukoll tfajliet)[4] li kienu affaxxinati bil-kariżma tiegħu, mill-kitarra tiegħu u mill-kapaċità li kellu kif jitħaddet man-nies. Huma ħadu l-isem ta' The Family ("Il-Familja"), jew The Manson Family, minkejja li Manson dejjem innega li kien hu stess li tahom dak l-isem għall-grupp. Hu rnexxielu jiġbor madwaru numru mhux ħażin ta' segwaċi (madwar 50 persuna): ħafna minnhom kienu żgħażagħ li kellhom ħajja diffiċli bħal Charles, bi problemi familjari, diffikulta biex jintegraw fil-komunità u tal-passat mhux faċli li għaddew minnhom. Għalihom, Manson kien guru kif kienet tipprofetizza dottrina partikulari: kien jagħmilha tar-riinkarnat ta' Ġesù Kristu u s-segwaċi tiegħu kienu devoti ħafna tiegħu. Prinċipju li kien jiddistingwi lil Charles minn esponenti oħra kontemporanji tal-moviment hippie, kien id-disprezz li kien iħoss fil-konfronti tas-suwed. The Family, taħt il-gwida stretta tiegħu, kienet tgħajjex lilha nnifisha b'permezz ta' serqiet u attivitajiet kriminali oħra. Bejn serqa u oħra, kienu jdoqqu l-kitarra u kienu jagħmlu użu mill-ħaxixa u l-LSD. L-attività tas-setta ta' Manson ma kinitx limitata biss għas-serqiet, iżda kienet testendi sa anke omiċidji. Manson iffonda wkoll moviment ambjentalista msejjaħ ATWA (akronimu għal "Air, Trees, Water, Animals") li kien jiġġieled biex jissalvagwardja n-natura u l-kreaturi tagħha, fejn xi membri tal-"Familja" kienu jagħmlu parti minn dan il-grupp.

Charles xtaq li jsir mużiċista famuż bħall-idoli tiegħu u fis-sajf tal-1968 waslet dik l-opportunità li tant kien ilu joħlom għaliha. Dennis Wilson tal-grupp The Beach Boys tella' żewġ nisa ta' Manson li kienu qed jistennew karozza biex twassalhom u ġabhom fid-dar tiegħu f'Pacific Palisades xi sigħat wara. Fir-ritorn tiegħu lura d-dar wara li kien mar jagħmel sessjoni ta' rekording, Wilson ġie milqugħ fir-residenza tiegħu minn Manson, li ħareġ mid-dar. Bil-flus ta' Wilson hu daħal fi studjo diskografiku ta' Los Angeles. Il-ħolma tiegħu taret mar-riħ u l-ossessjoni li xi darba jsir artista mużikali kompliet tossessjonah għal dejjem. Kanzunetta tiegħu, Cease to Exist, reġgħet saret mill-Beach Boys u ddaħlet fl-album 20/20 (1969) b'titlu ġdid (Never Learn Not to Love), b'xi modifiki żgħar fil-versi u fil-bridge, ħaġa li qajmet rabja mhux ftit f'Manson fil-konfronti tal-eks-ħabib tiegħu.

L-omiċidji[editja]

Fid-9 ta' Awwissu 1969, Manson ippjana inkursjoni f'Cielo Drive, subborg sinjur ta' Los Angeles, bl-għan li jiħol fil-villa ta' Roman Polanski fejn Sharon Tate, attriċi u l-mara tar-reġista, li kienet tinsab fit-tmien xahar tat-tqala, kienet qed tilqa' ġewwa darha xi mistiedna: Jay Sebring, parrukkier tal-attriċi, Abigail Folger, it-tifla tal-imprenditur tal-kaffetterija "Folger", Wojiciech Frykowski, l-għarus ta' Abigail.

Charles qagħad jistenna fil-karozza (oħrajn isostnu li hu baqa' fir-razzett fejn kienet tiltaqa' l-organizzazzjoni) fejn ordna lis-segwaċi tiegħu biex jesegwixxu l-istraġi. Dawk li segwew l-ordnijiet kienu Charles "Tex" Watson (li ngħata l-kmand tal-missjoni minn Manson), Susan Atkins, Patricia Krenwinkel u Linda Kasabian. Dawn avvanzaw lejn il-villa armati bi skieken, xkubetta u ħajta najlon twila 13-il metru. Fil-wasla tagħhom fuq il-post, l-erbgħa qatgħu il-wajers tat-telefown biex inaqqsu ċ-ċans li jiġu msejħa l-pulizja ġaladarba jidħlu fid-dar. Madanakollu ġew innutati minn ħabib tal-gwardjan tal-villa, Stephen Earl Parent, li minnufih ġie maqtul minn sparatura ta' Tex Watson.

Meta daħlu fil-villa, il-membri tal-Familja ma wrew l-ebda ħniena. L-ewwel li ġie maqtul kien il-barbier Sebring, li talab bil-ħniena li jħallu ħajja lil Tate minħabba li kienet tqila, imma ġie ferit bi sparatura fl-abt tiegħu u spiċċa b'serje ta' daqqiet bis-sikkina. Il-vittima segwenti kien Frykowski, li kien maqtul minn Susan Atkins. L-istess destin kien lest għal Folger, li ripetutament ingħata daqqiet bis-sikkina. L-aħħar vittma kienet Sharon Tate, li għaliha kien qed jistenniha destin aktar kiefer. Fil-fatt, ġiet imsawta, ittortura bil-ħajta tan-najlon u ngħatat 16-il daqqa bis-sikkina fuq sidirha.

Susan Atkins użat ftit demm tal-attriċi maqtula u fuq il-bieb, liema minnu kienu daħlu, kitbet il-kelma "PIG" (majjal hu wkoll terminu Amerikan li jiġu wżat b'disprezz lejn il-pulizija, u "Piggies" hu t-titlu tal-kanzunetta tal-Beatles). Fuq il-mera tal-kamra tal-banju ġiet miktuba l-espressjoni Ingliża Helter Skelter, fejn din il-frażi tindika ż-żrieżaq taħt forma ellikali tal-Luna Parks. Manson interpretaha bħala "il-wasla tal-kaos" u "tmiem id-dinja", it-titlu ta' kanzunetta tal-Beatles li Manson interpretah bħala messaġġ apokalittiku sublimi. Mill-massakru rnexxielu jeħlisha biss ir-reġista Roman Polanski li kien fuq xogħol fl-Ingilterra (kien għadu kif lesta mill-produzzjoni ta' Rosemary's Baby).

Il-massakri tal-grupp ma waqfux hemm, hekk kif il-jum segwenti ġew maqtula l-merċier Leno LaBianca u l-mara tiegħu Rosemary: it-tnejn li huma ngħataw serje ta' daqqiet bis-sikkina fuq sidirhom. Fil-fatt, Rosemary sofriet 41 daqqa ta' sikkina wara mewtha.[5] Fuq il-ħitan inkitbu l-frażijiet "Death to pigs" bid-demm tal-vittmi u, fuq il-friġġ tal-kċina ġie minflok miktub, b'deformazzjoni grammatika evidenti, "Healter Skelter". Il-katavru ta' Leno LaBianca ġie misjub b'furketta mwaħħla fl-istonku.

Vittma oħra li ma ħelsitx minn id il-massakru ta' Manson kien għalliem tal-mużika, Gary Hinman, li xi ftit xhur qabel kien ospita lill-Familja però ftit wara kien keċċiehom. Anke hu ġie maqtul b'daqqiet bis-sikkina: fuq il-ħitan dehret il-frażi "Majjal politiku".

L-aħħar omiċidju attribwit għall-Familja kien wieħed ta' membru stess tas-setta, Donald Shea (imlaqqam "Shorty"), li kien akkużat talli abbanduna l-organizzazzjoni u li kien iżżewweġ mara sewda. Hu ġie maqtul brutalment fis-26 ta' Awwissu 1969 u ġismu ġie maqtugħ f'disa' biċċiet.

L-attività kriminali tal-"Familja" kompla mingħajr ebda kuntrast għal madwar sentejn, sakemm l-avukat Vicent Bugliosi, ta' oriġini Taljana, irnexxielu wara ħafna indaġni jsib il-provi neċessarji biex jakkuża lil Manson. Xi segwaċi minn tiegħu ttradewh; testimonjanza fundamentali kienet Linda Kasabian, it-tfajla li kienet kostretta tagħmel il-gwardja fil-lejl tad-9 ta' Awwissu 1969. B'hekk, Charles ġie arrestat għal dak li baqa' magħruf bħala Il-każ Tate-La Bianca u ġie akkużat li kien hu li ordna biex dawn l-omiċidji jseħħu.

Il-proċess[editja]

Fl-1970 beda l-proċess kontra Charles Manson. Hu ppreżenta ruħu b'X fuq moħħu bħala simbolu distintiv: sussegwentament, wara ħafna snin ta' ħabs, Manson immodifika din l-inċiżjoni u biddilha għal svastika. Il-proċess daħal fl-istorja tal-qorti Amerikana għat-tul li ħa: id-dibattitu preliminarju ħa madwar sena. Charles ammetta l-omiċidji tal-għaqda tiegħu (minbarra azzjonijiet kriminali oħra kommessi) u żvela kif fil-"lista sewda" tiegħu kien hemm personaġġi oħra tal-ispettaklu bħal Liz Taylor, Steve McQueen, Richard Burton u Frank Sinatra.

Fid-29 ta' Marzu 1971, il-proċess ingħaqad bil-kundanna għall-mewt lill-"Familja" sħiħa, imma fl-1972 l-istat ta' California abolixxa l-piena tal-mewt,[6] u Manson u s-setta tiegħu ngħataw minflok sentenza ta' għomor il-ħabs, preċiżament fil-Corcoran State Prison.

Fil-25 ta' Marzu 2007, fil-ħabs ta' Corcoran, il-ħdax-il udjenza rikjesta minn Manson biex jikseb il-libertà kondizzjonali ġiet rifjutata. Ir-raġel, li issa kellu 74 sena (liema 42 sena minnhom kien qattagħhom il-ħabs), ma kienx preżenti waqt l-udjenza, imma tarraf lill-istampa li fl-2012 se jippreżenta puntwalment it-tnax-il domanda għall-ħelsien tiegħu.

L-ipoteżi fuq l-omiċidji[editja]

Mhuwiex fiċ-ċert ir-raġunijiet li wasslu lis-setta ta' Manson biex toqtol. Xi speċjalisti taw għad-dawl l-ipoteżi li Manson seta' kien ossesjonat bil-fama: minħabba li ma kienx irnexxielu jsir stilla mużikali bħalma kien dejjem xtaq hu fittex l-alternattiva l-aktar ħafifa – omiċidji mingħajr sens li setgħu jattiraw l-attenzjoni tal-pubbliku. Oħrajn isostnu li Charles, li kien għex fil-faqar u qalb it-toroq, kien jobgħod il-persuni sinjuri u famużi. B'kawża t'hekk, hu ried joqtol kemm-il persuna famuża possibbli.

Hu mifhum li bil-frażi "DEATH TO PIGS" ("Mewt lill-Majjali") Manson riedu juri r-rabja tiegħu fil-konfront tal-istilel tal-ispettaklu, fejn sejjħilhom "majjali" għall-ħajja materjali u mimlija eċċessività.

L-istess Manson, minflok, irrisponda li kienu l-Beatles b'Helter Skelter li kienu ispirawh. Hu kien jemm li kien individwa fil-lirika tal-kanzunetta speċi ta' "messaġġ profetiku" indirizzat għalih li ordnalu biex ixerred il-kaos. Manson qal li kien qatel lil Sharon Tate minħabba li ried jagħti l-ħtija lill-komunità Afro ġewwa l-Istati Uniti, fejn dawn setgħu irrebellaw u kissru l-komunità bajda; imma l-Afroamerikani ma setax jirnexxielhom li jiggvernaw u setgħu jitolbu l-għajnuna lill-bojod li rnexxielhom isalvaw, fosthom lil Charles Manson innifsu.

Manson fil-kultura popolari[editja]

  • Hu minn ismu, flimkien mal-kunjom tal-attriċi Marilyn Monroe, li ispira lill-kantant Brian Hugh Warner biex jikkomponi l-isem tal-ispettaklu Marilyn Manson.
  • The Downward Spiral, it-tieni album ta' Nine Inch Nails, ġie reġistrat fid-dar fejn Sharon Tate kienet ġiet assassinata. It-titli Piggy u March of the Pigs huma eku tal-kitbiet bid-demm li ġew magħmula fuq il-ħitan mill-"Familja".
  • Portrait of an American Family, l-ewwel album ta' Marilyn Manson, kien ukoll reġistrat fl-1993 flimkien ma' Trent Reznor fi ħdan id-dar fejn ġiet maqtula Sharon Tate.
  • Bloodbath in Paradise, kanzunetta ta' Ozzy Osbourne preżentata fl-album No Rest of the Wicked, titratta l-imwiet kommessi mill-"Familja".
  • Grupp tal-muika rap minn Memphis, Tennessee, kien jismu Manson Family u ħarġu album taħt l-isem ta' Heltah Skeltah.
  • Dennis Wilson, batterista tal-grupp The Beach Boys, kien qasam appartament ma' Charles Manson f'14400 Sunset Drive ġewwa Beverly Hills.
  • Chucky, persunaġġ ta' serje fittizja ta' films tal-biża' li l-isem oriġinali tiegħu kien Charles Lee Ray, ħa ismu minn tliet kriminali Amerikani ċelebri: Charles Manson, Henry Lee Lucas u James Earl Ray.
  • F'Merry Christmas, Charlie Manson!, id-29 episodju tat-tieni staġun tas-serje South Park, Stan, Kyle, Kenny u Cartman jagħmlu konoxxenza mal-qattiel Charles Manons. F'dan l-episodju hu għandu swastika fuq moħħu, l-istess bħalma kellu waqt il-proċess, u l-uniformi tiegħu kellha n-numru 06660 (in-numru tiegħu tal-ħabs u 666 hu n-Numru tal-Bestja).[7]
  • Fl-album The Spaghetti Incident? tal-grupp Guns N' Roses, hemm traċċa moħbija tal-kanzunetta Look At Your Game, Girl, miktuba minn Charles Manson.
  • Live Freaky! Die Freaky!, film ta' animazzjoni tal-2006 minn John Roecker, hu ispirat mill-istorja ta' Charles Manson.
  • Fuq l-album On The Beach ta' Neil Young, jinkludi 'l-kanzunetta Revolution Blues ispirata minn Charles Manson.
  • L-album Rattle and Hum tal-U2 jiftaħ bil-verżjoni tal-grupp talkanzunetta tal-Beatles, Helter Skelter. Bono stqarr kif "din hi kanzunetta li Charles Manson seraq mill-Beatles, u aħna qed nisirquha lura".[8]
  • Serj Tankian u Daron Malakian mill-grupp System of a Down kitbu kanzunetta bit-titlu ATWA, akronimu ta' grupp f'favur in-natur fundat minn Charles Manson.
  • Ir-rapper Amerikan Necro kiteb u kkompona album li ħareġ fl-2004 li jagħti ġieh lil Charles Manson: The Pre-Fix for Death. Il-kanzunetta Creppy Crawl, mill-aħħar album tiegħu, tagħti daqqa t'għajn fuq l-attroċitajiet li saru mill-"Familja" fid-dar ta' Roman Polanski.
  • Fil-kanzunetta Glad To See You Go tar-Ramones, tinstema' fl-aħħar il-frażi "And in a moment of passion get the glory like Charles Manson".

Referenzi[editja]

  1. ^ Bugliosi, Vincent with Gentry, Curt. Helter Skelter — The True Story of the Manson Murders 25th Anniversary Edition, W.W. Norton & Company, 1994. ISBN 0-393-08700-X. Paġni 163–4, 313.
  2. ^ Storja tal-Piena Kapitali ta' California fuq deathpenalty.org. Aċċessata fit-28 ta' Marzu, 2009.
  3. ^ Fotokopja taċ-ċertifikat tat-twelid ta' Manons MansonDirect.com. Aċċessata fis-26 ta' April, 2007.
  4. ^ a b Bugliosi, pġ. 137–146
  5. ^ Bugliosi 1994; pġ. 44, 206, 297, 341–42, 380, 404, 406–07, 433.
  6. ^ Bugliosi 1994, pġ. 488–491.
  7. ^ Profil tal-episodju fuq tv.com
  8. ^ Tradotti minn: "This is a song that Charles Manson stole from the Beatles, we're stealing it back."

Ħoloq esterni[editja]