Arg-é Bam

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Koordinati: 29°07′00.68″N 58°22′06.51″E / 29.1168556°N 58.368475°E / 29.1168556; 58.368475

Arg-é Bam, qabel it-terremot tal-2003.

Arg-é Bam (ارگ بم bil-Persjan, "ċittadella ta' Bam") hu l-ikbar bini adobu fid-dinja, li jinsab f'Bam, belt fil-provinċja ta' Kerman fix-Xlokk tal-Iran. Dan il-post hu mniżżel bħala Wirt Storiku Dinji mill-UNESCO. Din iċ-ċittadella enormi fi Triq il-Ħarir ġiet mibnija qabel is-sena 500 QK u baqgħet tintuża' sal-1850 WK. Mhuwiex magħruf fiċ-ċert għala dan il-bini safa abbandunat.

Il-bini sħiħ kien fortizza kbira fejn iċ-ċittadella stess kienet il-qofol tal-post, imma minħabba d-dehra impressjonanti taċ-ċittadella, li tifforma l-ogħla punt, il-fortizza sħiħa tissejaħ iċ-Ċittadella ta' Bam.

Fis-26 ta' Diċembru, 2003, iċ-Ċittadella kienet kważi kompletament distrutta minn terremot, flimkien mal-kumplament ta' Bam u l-madwar. Ftit ġranet wara dan it-terremot, il-President Iranjan Mohammad Khatami ħabbar li ċ-Ċittadella kienet se terġa' tinbena.

Dimensjonijiet[editja]

Ikbar minn Arg-é Rayen, l-arja taċ-Ċittadella ta' Bam hi ta' madwar 180,000 metru kwadru, u hi mdawwra b'ħitan ġigantesk għoli bejn 6 sa 7 metri u twil 1815-il metru. Iċ-ċittadella turi wkoll tnejn mit-torrijiet li "dejjem jgħassu" li Bam hi famuża għalihom – hemm 67 torri ta' dan it-tip imxerrdin mal-belt antika ta' Bam.

Disinn taċ-ċittadella u l-arkitettura[editja]

Iċ-ċittadella ta' Arg-é Bam: L-ikbar struttura adoba fid-dinja, li tmur lura għas-sena 500 QK.
Magnify-clip.png
Iċ-ċittadella ta' Arg-é Bam: L-ikbar struttura adoba fid-dinja, li tmur lura għas-sena 500 QK.

Il-pjanta u l-arkitettura taċ-ċittadella huma ġenjalment studjati minn diversi punti di vista. Mill-forma preżenti taċ-ċittadella wieħed jista' jinduna li l-fassal kien ippreveda l-forma intera tal-istruttura u l-belt mill-ewwel fażijiet tal-proċess tal-ippjanar. Matul kull fażi tal-iżvilupp tal-bini, il-parti li kienet diġà mibnija kienet tirrafigura figura kompleta, u kull parti addizzjonali setgħet tiġi "minsuġa" mal-parti eżistenti mingħajr ebda differenza bejn iż-żewġ partijiet.

Iċ-ċittadella tinsab fiċ-ċentru tal-belt-fortizza, fil-punt ta' osservanza l-aktar sigur.

Fil-forma arkitettonika taċ-Ċittadella ta' Bam hemm żewġ partijet distiniti:

  • Il-parti tas-sinjuri 'l ġewwa mill-ħitan, li tinkludi ċ-ċittadella, il-każermi, il-mitħna, dar b'erba' sezzjonijiet, bir tal-ilma (skavat fl-art u profond 40 metri), u stalla għal 200 żiemel.
  • Il-parti tas-sudditi li hi madwar il-parti tas-sinjuri, li tikkonsisti mid-daħla prinċipali tal-belt-fortizza u l-bażar qrib l-assi prinċipali li jmorru mit-Tramuntana għan-Nofsinhar (li jgħaqqdu d-daħla prinċipali maċ-ċittadella), u madwar 400 dar flimkien mal-bini pubbliku assoċjat magħhom (bħal skola u postijiet dedikati għall-isport).

Fost id-djar, huma rikonoxxuti tliet tipi differenti:

  • Djar żgħar b'żewġ jew tliet ikmamar għall-familji fqar.
  • Djar ikbar bi tliet jew erbat ikmamar għall-klassi soċjali tan-nofs, bi ftit minnhom ikollhom ukoll veranda.
  • L-aktar djar lussużi b'aktar kmamar orjentati f'direzzjonijiet diversi biex l-istaġuni tas-sena jitgawdew mill-aħjar, flimkien ma' bitħa kbira u stalla għall-annimali tal-viċinanza. Ftit huma d-djar ta' dan it-tip fil-fortizza.

Il-bini kollu hu magħmul minn briks tat-tafal mhux moħmi, jiġifier adobi. Iċ-Ċittadella Bam, qabel it-terremot tal-2003, kienet probabilement l-ikbar struttura adoba fid-dinja.

Sigurtà[editja]

Meta l-bibien tal-belt kienu jingħalqu, l-ebda bniedem u annimal ma seta' jidħol. L-abitanti setgħu jkomplu jgħixu għal perjodu twil ta' żmien f'iżolament minħabba li kellhom aċċess għal bir, ġonna, u annimali domestiċi. Meta l-belt-fortizza kienet tiġi assedjata, l-abitanti kienu jibqgħu ġewwa l-belt waqt li s-suldati kienu jidefenduha, protetti minn ħitan u torrijiet għoljin.

Kondizzjonament tal-arja[editja]

Minbarra t-torrijiet tal-għassa u l-qċaċet dekorati tal-ħitan l-għolja fuq l-orizzont tal-fortizza, it-torrijiet tar-riħ (bil-Persjan: badgir بادگير) huma wkoll aspetti notevoli. Dawn huma strutturi speċjali li joħorġu 'l barra mill-binjiet biex jilqgħu r-riħ u jiddirieġuh għall-binjiet. Xi drabi l-arja tgħaddi fuq bieqji tal-ilma fil-bini biex ikessħuh u jmur it-trab. Tipi differenti ta' torrijiet tar-riħ huma wżati għal bini differenti.

Terremot tal-2003[editja]

It-terremot tal-2003 f'Bam qered madwar 80 fil-mija taċ-Ċittadella. Bħala Wirt Storiku Dinji diversi pajjiżi qed jikkooperaw flimkien fil-bini mill-ġdid ta' din iż-żona. Il-Ġappun, l-Italja u Franza huma fost il-pajjiżi li bdew jagħtu daqqa t'id mill-bidu. Il-Ġappun ta 1,300,000 dollaru Amerikan lill-Iran għall-bini mill-ġdid, u sostna dan il-proġett billi bagħat tagħmir apposta u ħoloq pjan 3D taċ-Ċittadella ta' Bam biex ikabbar l-akkuratezza tar-rinnovazzjoni. L-Italja ħarġet 300,000 dollaru Amerikan fil-proġett u bagħtet skwadra ta' esperti biex jagħmlu restawrazzjoni tat-torri prinċipali ta' Bam. Franza għenet lill-Iran billi tipprovdi l-mappa taċ-Ċittadella ta' Bam. Il-Bank Dinji ta wkoll somma kbira għal dan il-proġett.

Ħoloq esterni[editja]