Antonio Sciortino

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Antonio Sciortino
Ħajja
Twelid Ħaż-Żebbuġ, 25 Jannar 1879
Nazzjonalità Malta
Mewt Valletta, 10 Awwissu 1947
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni skultur

Antonio Sciortino (twieled fil-25 ta' Jannar 1879 – miet fl-10 ta' Awwissu 1947) huwa skultur Malti li xogħlu jirrefletti ħafna movimenti artistiċi fosthom ir-realiżmu, l-influwenza ta' Auguste Rodin u l-Futuriżmu. Studja u ħadem Ruma, l-aktar fl-akkademja Brittanika. L-iskultur żviluppa stil originali li attira l-ammirazzjoni ta' ħafna u li wassallu bosta ordnijiet ta' xogħol mir-Russja, mill-Brażil u mill-Istati Uniti. Sciortino kien direttur tal-Akkademja Brittanika tal-Arti f'Ruma (1911-1936), u mill-1937 sa mewtu kien kuratur fil-Mużew tal-Arti ta' Malta.[1]

Bijografija, xogħlijiet u stil[immodifika | immodifika s-sors]

Les Gavroches

Sa minn meta kien għadu tifel tal-iskola, Sciortino wera ġibda lejn l-iskultura. Il-ħabib tiegħu Pawlu Grech jiftakru jnaqqax bil-mus fuq xi biċċa ġebla figuri ta' nies u ta' annimali[2]. It-talent tiegħu ġie mħeġġeġ kmieni minn zitu, Vittorina Sciortino, u minn Lazzaro Pisani, li kien pittur ta' fama stabbilita f'Malta.[3] Kien propju bl-inkuraġġiment ta' Pisani li wassal biex Sciortino ddeċieda li jidħol fl-iskola tal-arti fil-Belt Valletta fejn, għal sentejn, ħa t-taħriġ meħtieġ. Il-familja Strickland għenet lil Sciortino jikseb borża ta' studju mingħand il-Gvern għal kors f'Ruma, fejn ta' tnejn u għoxrin sena mar jissokta l-istudji tiegħu.

F'Ruma huwa studja fl-Istituto Reale di Belle Arti u għal sentejn tħarreġ fl-inġinerija u fl-arkitettura monumentali. Wara li kiseb diploma bl-ogħla unuri, fetaħ studju tal-arti f'via Margutta 33, fil-qalb tat-tradizzjoni artistika Rumana. Kien proprju hawn li ironikament Sciortino ddeċieda li jinqata' mit-tradizzjoni imitattiva u jaqbad stil artistiku personali. Il filosfo (1902) huwa xogħol ta' studju fl-iskultura li bih stabbilixxa ruħu bħala artista oriġinali kif ukoll ġibed l-attenzjoni tal-kritiċi tal-arti. Din l-iskultura flimkien ma' studju ieħor magħruf bħala Testa di Vecchio ġew esibiti f'wirja msejħa Promotrice di Roma.

Fl-iskultura Studio di Donna (1904), Sciortino tbiegħed mid-drawwa prevalenti tar-rappreżentazzjoni femminili kif kienet trattata mill-iskulturi Franċiżi u ppropona adattament ispirat mill-istil Grieg. Fl-istess sena Sciortino ħadem Les Gavroches, xogħol ta' skultura li saħħaħ il-fama tiegħu. Dan il-kumpless tal-bronż juri tlett itfal, f'xogħol li ġie mnebbah minn novella famuża ta' Victor Hugo, Les Miserables, fejn jiddeskrivi l-ħajja ta' tlett itfal foqra jiġġerrew fit-toroq ta' Pariġi fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1848. Din l-iskultura nġiebet Malta fl-1907 u għadha sal-lum meqjusa bħala l-ewwel xogħol artistiku kbir ta' Sciortino. Il-forma inizjali tal-istatwa llum il-ġurnata tinsab ġewwa Buckingham Palace wara li ngħatat bħala rigal f'isem il-poplu Malti mill-gvern lill-Prinċipessa Eliżabetta waqt li din kienet fuq żjara f'Malta fl-1951.

Il-fama ta' Sciortino ħarġet mill-belt kapitali Taljana u nfirxet f'ċentri artistiċi oħra fl-Ewropa. Antonio Sciortino rebaħ diversi kompetizzjonijiet internazzjonali li għamlu ismu magħruf fl-Amerka, fir-Russja, fil-Ġappun u fl-Afrika t'Isfel fejn jinsabu wħud mill-aqwa xogħlijiet tiegħu. Is-sehem tiegħu fil-wirjiet internazzjonali qajjem interess f'Ruma u fir-Royal Academy f'Londra, ir-Renju Unit. Dan is-suċċess wassal għan-nomina tiegħu bħala direttur tal-Akkademja Brittanika tal-Arti f'Ruma (1911), kariga li żamm għal ħamsa u għoxrin sena.

Fl-1905 Sciortino rebaħ il-kompetizzjoni għall-monument lil Sir Adrian Dingli, li nkixef f'April 1907 fil-preżenza tar-Re Dwardu VII u r-Reġina Alexandra fil-Ġnien tal-Mall. Ftit taż-żmien wara ngħatatlu kummissjoni għal skultura li tirrappreżenta il lavoratore (il-ħaddiem) għall-Casa del Popolo f'Ruma.

Fl-1909 Sciortino ħadem l-irredentismo[4] li ġiet esibita ġewwa Venezja. Sal-1910 ħadem żewġ xogħlijiet oħra, Germinando un Idea u Remorse. It-tnejn jirriflettu l-influwenza ta' Auguste Rodin. Waqt żjara f'Pariġi, Sciortino ħadem bust ta' Leo Tecktonius, kompożitur u pjanist Amerikan. Dan ix-xogħol impressjona lil Rodin, li talbu jaħdimlu forma u li jiltaqa' miegħu personalment. Din il-laqgħa tat bidu għall-ħbiberija dewwiema ta' bejniethom.

1911 - Bust tal-pjanista Amerikan Leo Tecktonius. Xogħol maħdum f'għoxrin minuta waqt żjara Parigi u li laqqgħu ma Auguste Rodin.

Fl-1911, Antonio Sciortino pparteċipa f'kompetizzjoni internazzjonali għall-monument b'tifkira tal-imperatur Russu Alessandru II (1818-1881). Id-disinni u l-mudelli tiegħu rebħu l-ewwel premju iżda l-premju ma ngħatax għal raġuni formali. Madanakollu, il-Ksar Nikola II, affaxxinat bil-proġett, xtara d-disinni minn jeddu.

Fl-1913, Sciortino daħal għal kompetizzjoni għall-bini ta' monument lill-poeta Ukren Shevchenko. Id-disinni gew aċċettati u l-iskultur rebaħ l-ewwel post. Dan il-monument, maħdum mill-granit u l-bronż, hu għoli 7.5 metri u jirrappreżenta lill-poeta f'att ta' meditazzjoni bilqiegħda fuq zokk ta' siġra liebes l-ilbies nazzjonali Ukren. Fuq il-pedestall hemm grupp ta' figuri li jirrappreżentaw il-poplu tal-Ukrajna.

Fl-1914, Sciortino xtaq jidħol mar-Royal Engineers, iżda fuq parir tal-eks Gvernatur ta' Malta, Lord Grenfell, baqa' għaddej b'ħidmietu ġewwa Ruma biex jagħti bidu għal xogħol fuq mafkar għall-Ewwel Gwerra Dinjija. Għal tliet snin sħaħ Sciortino kien mehdi bil-ħsieb, tħażżiż u l-immudellar ta' dan il-monument vast u imponenti li kellu jkun magħruf bħala t-"Tempju tal-Imperu Brittaniku għall-Eroj mhux Magħruf". Sciortino rrealizza dan ix-xogħol f'mudell tat-tafal fuq skala ta' 1:200. Jingħad li l-idea ta' mafkar f'ġieħ is-"Suldat mhux magħruf", hi ħolqien tal-artist Malti.[5]

Bħala tifkira tal-erbgħa u għoxrin Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f'Malta fl-1913, Sciortino ġie mqabbad ilesti monument. Dan ix-xogħol imsemmi Kristu Re ġie mikxuf fil-Furjana fit 30 ta' Diċembru 1917 f'ċeremonja reliġjuza li għaliha nġabru madwar 40,000 Malti. L-istatwa ta' Kristu Redentur hija figura tal-bronż għolja 3.5 metri li tiddomina fuq pedestall tal-granit u tesprimi maestà u kobor ta' sultan. Malta hija rappreżentata bħala figura femminili għarkupptejha taħt il-pedestall f'att ta' sottomissjoni waqt talba għall-barka. Il-figura tfakkar ukoll ir-rebħiet imgħoddija fuq "l-għedewwa ta' Kristu". Oriġinarjament, Sciortino ppjana il-monument b'figura ta' Kristu biss għaliex l-għan ewlieni kien rappreżentazzjoni tat- transubstanzjazzjoni, il-kunċett tal-preżenza reali ta' Kristu fl-hekk imsejħa "Ewkaristija Mqaddsa". Għalhekk il-figura ta' Malta ma tħarisx lejn il-wiċċ ta' Kristu iżda tbaxxi rasha f'att ta' reverenza u ġġib quddiem għajnejha x-xbieha tal-ġisem u tad-demm ta' Kristu.

Monument tal-Assedju l-Kbir

Fuq kummisjoni tal-poplu tal-Krimea, Sciortino kellu jlesti mafkar, għall-kittieb Russu Anton Pavlovich Chekhov biex jitwaqqaf f'Rostov tul ix-xmara Don. Il-forma tal-ġibs tlestiet fl-1923 iżda il-monument tal-bronz ma twettaqx minħabba t-taqbid fir-Russja wara l-mewt ta' Lenin fl-1924. Illum il-forma inizjali tal-ġibs tinsab fil-bitħa tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Belt Valletta.

Bejn l-1924 u l-1927 Sciortino temm Rhythmii Vitae, xogħol meqjus bħala wieħed mill-aqwa tiegħu fil-bronż u li ġie esibit fir-Royal Academy ta' Londra. Ħadem bust ta' Carmen Sylva fuq stedina tal-familja rjali tar-Rumanija u ħoloq monument imponenti b'tifkira tal-proklamazzjoni tal-Brażil bħala repubblika. F'dan iz-zmien ħadem ukoll il-bust tal-Markiża Godi de Godio.

Fit-8 ta' Mejju 1927 ġie mikxuf monument kbir ieħor ta' Sciortino f'Malta, il-Monument tal-Assedju l-Kbir, li jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (qabel ma twaqqgħet fit-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm il-bini tal-Berġa tal-Alvernja). Dan il-monument ifakkar il-qlubija u l-eroiżmu tal-Maltin fl-Assedju tal-1565. Il-monument huwa kompost minn tliet figuri li jirrappreżentaw il-kuraġġ, il-fidi u iċ-ċiviltà.

Fl-1929 forma inizjali ta' Sciortino għal monument ekwestri tal-Ġeneral Simon Bolivar ħadet it-tieni post.

Bejn l-1931 u l-1936, bħala preparazzjoni għal wirja mill-Kummisjoni Amerikana għall-Arti, Sciortino lesta numru ta' xogħlijiet ta' forom artistiċi u suġġetti differenti; b'kollox wieħed u għoxrin biċċa skultura tal-ġibs, tal-bronż u tal-irħam. Fost dawn insibu Lindbergh on Eagle, Courage of Future Generation, Arab Horses, In the Jungle, Detachment of the Soul from Humanity, Speed, Madonna protecting Navigators, Dangerous Sport, Consolation, Late, First Kiss, Laughing, Surprised, Smiling u oħrajn. Dawn huma kollha xogħlijiet li jesprimu vitalità u entużjażmu. Minħabba il-mewt ta' Frank Pedry, il-President tal-kummissjoni, ir-reċessjoni ekonomika li kienet għaddejja minnha l-Amerka u l-ġrajjiet politiċi internazzjonali, il-wirja ma setgħetx issir.

Fil-1936 l-Akkademja Brittanika tal-Arti ġewwa Ruma kellha tagħlaq minħabba kunflitti politiċi mal-Italja dwar il-gwerra tal-Abbissinja (illum l-Etjopja). Dan wassal biex Sciortino jirriżenja mill-kariga li kellu fi ħdan l-Akkademja u b'hekk irritorna Malta fejn, fit-3 ta' Mejju 1937, inħatar kuratur fil-Mużew tal-Arti. L-aħħar xogħol ta' Sciortino kien il-monument ta' Lord Gerald Strickland imwaqqaf fl-1945 fil-ġnien tal-Barrakka ta' Fuq, il-Belt Valletta.

Rwol[immodifika | immodifika s-sors]

  • Rwol Malta
  • Barra min Malta: Jingħad li l-idea ta' mafkar f'ġieħ 'Is-Suldat Mhux Magħruf' ġiet l-ewwel darba minn Antonio Sciortino[5].

Diskussjoni[immodifika | immodifika s-sors]

L-istil ta' Sciortino jgħaqqad elementi tar-realiżmu u tal-futuriżmu. Huwa ta' nteress x'wassal u x'kiteb l-iskultur fuq din is-sintesi. Sciortino ħassu miġbud ħafna lejn l-iżvilupp tekniku u l-inġinerija. Ftit hu magħruf dwar kif l-artist kien jinterpreta l-iżvilupp tat-teknoloġija bħala Arti - dan hu suġġett li l-arti tittratta ħafna aktar tard. Aspett ieħor huwa r-rwol tar-reliġjożità u l-ispirtu li fiħ ħadem l-istatwa ta' Kristu Re.

Barra mir-rwol artistiku ta' Sciortino, bħala Malti kożmopolitan ta' ċittadinanza Brittannika li fil-bidu tas-seklu għoxrin għex għal kważi tletin sena fil-belt kapitali tal-Italja, huwa ta' interess kbir għall-istorja soċjali Maltija x'ħaseb fuq l-identità, il-personalità u l-lingwa Maltija - dan speċjalment minn bniedem f'pożizzjoni ta' perspettiva iktar wiesgħa u konsegwentament b'oġġettività akbar.

Huwa żamm kuntatt ma' pajjiżu, għalkemm ir-raġunijiet eżatti m'humiex magħrufa. Ġietlu offruta ċ-ċittadinanza Taljana iżda għażel li jżomm dik Ingliża. Kif kien jaħsibha Sciortino fuq il-faxxiżmu Taljan -- hu li għex it-twelid ta' dan il-moviment, u kif kien jassoċjah u jaħsibha fuq il-moviment nazzjonali malti. Ta' nteress hija il-lealtà lejn l-Ingilterra; dan meta tqabblu ma' ħafna studenti tal-arti Maltin, li fl-aħħar snin li Sciortino kien Ruma kienu qed imorru jistudjaw hemm fuq boroż ta' studju mogħtija mill-gvern Taljan - ħafna minnhom fil-fatt ħassew ġibda kbira lejn il-faxxiżmu u lejn l'Italja. Hu ta' nteress jekk Sciortino kellux kuntatt ma dawn l-istudenti li kienu jiltaqgħu fl-għaqda tar-Regia Deputazione per la Storia di Malta (cf. Herbert Ganado - Rajt Malta Tinbidel, Ktieb III, Kap XXXI)[6].

Apparentement teżisti intervista ma' Sciortino. Hemm xi dokumenti miktubin minn Sciortino nnifsu, ittri jew FIXME (speeches lectures talks) tħaddit?

Kronologija, Lista tax-xogħlijiet, Mużewijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Sena Xogħol Post
1902 Il Filosofo
1903 Testa di Vecchio
1904 Studio di Donna
1904 Les Gavroches Barrakka ta' Fuq, Valletta, Malta
Monument lil Sir Adrian Dingli Il-Mall, Furjana, Malta
Lavoratore Casa del Popolo Ruma
1909 Irredentismo
Germinando un Idea Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Valletta, Malta
Remorse Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Valletta, Malta
Leo Tecktonius
1911 disinn u mudell Alessandru II
1913 Kompetizzjoni Statwa ta' Shevchenko
1913 Kristu Re Il-Mall, Furjana, Malta
1914 bidu ta' xogħol fuq monument tal-ewwel gwerra
1923 Monument għal-Pavlovic Cechov Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Valletta, Malta
1923/24 Rhythmii Vitae (Check Date) Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Valletta, Malta
1924? Bust Ta' Carmen Sylva Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Valletta, Malta
1926 Monument ghar-Rebubblika tal Brażil (Check exact name)
1927 Bust tal-Markisa Godi de Godio Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Valletta, Malta
1927 Monument tal-Assedju l-Kbir Valletta, Malta
1928 Anita (Anita Garibaldi), Forma inizjali Forma inizjali mitlufa. Ritratti tal-forma inizjali jinsabu fl-Archivio Storico della Federazione Nazionale Volontari Garibaldini, Ruma, l-Italja [7].
1929 Forma inizjali ta' Ġeneral Bolivar
1937 Speed Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Valletta, Malta
1945 Monument ta' Lord Gerald Strickland Il-Mall, Furjana, Malta



  • XXXX Twaqqif tas-sussidju mill-Gvern ta' Malta
  • XXXX Jingħata kummissjonijiet barra minn Ruma
  • XXXX Sciortino jiltaqa' ma' Auguste Rodin
  • 1929 Sciortino jieħu sehem f'kompetizzjoni internazzjonali f'Pariġi
  • 1931 Talba ta' tħejjija ta' għoxrin skultura tal-arti mill-Kummissjoni Ammerikana tal-Arti
  • 1936 L-Akkademja Brittanika tal-Arti ġewwa Ruma tagħlaq
  • 1947 Jirregala x-xogħlijiet tiegħu lill-poplu Malti

Referenzi u noti[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Dan l-artiklu jibbaża f'parti kbira fuq Claude Busuttil 1997 - partijiet qosra huma meħudin verbatim, pero ħafna fatti ġew mqabbla u mqassra, u żidt ukoll ħafna informazzjoni oħra.
  2. ^ Ġużè Cardona ltaqà ma Pawlu Grech meta dan kellu ħamsa u tmenin sena. Cf. Cardona, J. The Maltese Sculptor with a world reputation, f'The Sunday Times of Malta, Awissu 17, 1958, p.14.
  3. ^ Fost xogħlijiet oħra, għamel il-pittura tas-saqaf fil-knisja ta' San Pawl Nawfraġju tal-Belt.
  4. ^ I'd be particularly interested in finding out what was the idea behind Sciortino's irredentismo. There is a paper on that, which I cannot get: E. Cozzani, 'I piu Giovani', in 'vita d'arte', II, vol.III, fs. 17, 1909 p. 257.
  5. ^ a b (Cox-McCormack, Vol. 2, Memoirs – 1922-1924), (Parkes, 1921, pp 191-192)
  6. ^ Herbert Ganado jiddeskrivi il-Conspiracy Trials, proċessi li nfetħu fl-1946, li fihom sbatax-il Malti ġew akkużati bi tradiment kontra Malta waqt il-gwerra. Ħdax minnhom kienu akkużati fuq piena ta' mewt, fosthom studenti li kienu jinsabu l-Italja fil-bidu tal-gwerra: U hawn biex nifhmu l-ambjent li sabu ruħhom fih dawn is-sbatax-il Malti jinħtiġilna ngaħtu ħarsa lura. L-Italja ta' Mussolini kienet deċiża li tagħmel Malta tagħha għax kienet tqis lil Malta art Taljana. Kienet tinkoraġġixxi bil-'borse di studio' ħafna żgħażagħ Maltin imorru jistudjaw fl-Italja biex tikber is-simpatija tagħhom lejha. U kienu bosta li marru. L-għaqda tar-'Regia Deputazione per la storia di Malta' kellha ħafna Maltin imseħbin fiha. Meta kienet ser tibda l-gwerra, twaqqaf il-'Comitato d'azzione Maltese' li tista' tgħid, ħareġ mir-'Regia Deputazione per la storia di Malta'. Iż-żewġ promotturi prinċipali tiegħu kienu l-professur Carlo Mallia, li kien il-president u snin qabel professur fl-università ta' Malta qabel ma mar jgħix l-Italja, u l-Professur Umberto Biscottini, li kien midħla tal-Maltin li kienu jistudjaw f'Ruma u li kienu membri tar-Reġia Deputazione. Il-professur Biscottini kien jirrapreżenta il-ministru ta' l-esteri Taljan fuq dan il-kumitat. Kien hemm ukoll fih Dottor Annibale Scicluna Sorge, 'Capo di Divisione' tal-ministeru Taljan tal-propoganda, li kien Sudditu Taljan, għad li kellu missieru Malti. Dan il-kumitat kellu mseħbin fih bosta Maltin u Taljani u kellu friegħi f'Milan, f'Firenze, fi Sqallija u f'Genova. Dan il-'Comitato d'Azzione' kellu l-iskop dikjarat illi jistudja u jisuġġerixxi soluzzjonijiet għall-problemi ta' Malta waqt il-gwerra, li ġiet minnu msejħa gwerra ta' liberazjoni .... fost l-attivitajiet tiegħu, dan il-kumitat beda jippubblika il-'Malta', li ma kinetx baqgħat toħroġ f'pajjiżna, wara li internaw 'l-editur tagħha Dottor Enrico Mizzi (Herbert Ganado - Rajt Malta Tinbidel, Ktieb III, Kap XXXI). Din il-kwotazzjoni hi twila wisq. Il-quddiem tista tiġi imressqa f'artiklu fuq l'istorja socjali Maltija jew fuq in-Nazzjonalismu Malti għall fejn tista tiġi referuta minn dan l-artiklu b' link interwiki.
  7. ^ cf. Fogu 1996, pp 317-328 u Noti 21,22.


Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Busuttil, Claude. (1997). Antonio Sciortino, 1879 - 1947, Europrint, 1997.
  • Buhagiar, Helene, Antonio Sciortino, Catalogue of an exhibition of Sciortino's works presented to the people of Malta, Valletta 1947.
  • Cardona, J. The Maltese Sculptor with a world reputation, f'The Sunday Times of Malta, Awissu 17, 1958.
  • Cox-McCormack, Nancy, Papers 1911-1965, Vol. 2, Memoirs – 1922-1924, location: I-C-5, Microfilm Accession Number: 1235, State of Tennessee Department of State Tennessee State Library and Archives, Nashville, Tennessee 37243-0312. Indiċi tal-kontenut.
  • Cremona, G., Artisti Maltesi a Roma, f' Malta, 25 ta' Settembru, 1936.
  • Fogu, Claudio, "Fascism and Historic Representation: The 1932 Garibaldian Celebrations", Journal of Contemporary History, Vol. 31, No. 2, Special Issue: The Aesthetics of Fascism (Apr., 1996), pp. 317-345, Sage Publications, Ltd., London. [1]
  • Parkes, Kineton, "Sculpture of today", Vol. II. - Continent of Europe, 1921, Chapman and Hall, London. PP 191-192. Indiċi elettroniku n241-n243. Il-ktieb sħiħ bħala fajl PDF.
  • Emporium, rivista mensile illustrata d'arte, letteratura, scienze é varieta, Gennaio 1914, direzzione-amministrazione Istituto Italiano d'arti grafiche, Bergamo. [2]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]