Ġużeppina Bakhita

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ġużeppina Bakhita
Ħajja
Twelid Sultanate of Darfur (en) Translate, 1868, 1869
Nazzjonalità Sudan
Mewt Schio (en) Translate, 8 Frar 1947
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni soru
soru
Festa
8 ta' Frar

Ġużeppina Bakhita (twieldet fl-1869 – miet fit-8 ta' Frar 1947) kienet skjava Sudaniża li saret Kattolika u soru Kanossjana fl-Italja, fejn għexet u ħadmet għal 45 sena. Nhar l-1 ta' Ottubru 2000, il-Papa Ġwanni Pawlu II ddikjaraha qaddisa.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Bakhita twieldet lejn is-sena 1869 – hi stess ma kinitx taf id-data preċiża –f'Darfur, fis-Sudan. Meta kellha disa' snin ħatfuha t-traffikanti tal-ilsiera, sawtuha, xerrdulha demmha u bigħuha ħames darbiet fis-swieq ta' El Obeid u Khartoum fis-Sudan. Minħabba t-trawma li ġarrbet insiet saħansitra x'jisimha: dawk li ħatfuha semmewha Bakhita, li bl-Għarbi tfisser "iffurtunata". Imma ma tantx kienet iffurtunata għax batiet ħafna, fosthom b'tatwaġġ krudil li sar meta kienet skjava ta' ġeneral Tork: għamlulha iktar minn mitt sinjal fuq sidirha, fuq żaqqha u fuq idha l-leminija, ħafruhomlha b'xafra u mlewhom bil-melħ biex jibqgħulha marki permanenti. Matul ħajjitha kollha baqgħu jidhru f'ġisimha 144 sinjal tal-ġrieħi.

Fl-Italja[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-aħħar, fl-1882 xtraha merkant Taljan għall-konslu Taljan Callisto Legnani, li quddiem l-invażjoni tas-segwaċi tal-Maħdi, reġa' lejn l-Italja. Hemm Bakhita bdiet tgħix mal-familja ta' Augusto Michieli ħabib ta' Legnani u saret il-babysitter ta' bintu Mimmina. Papa Benedittu XVI, fl-enċiklika tiegħu Spe Salvi, jgħid hekk: "Hawnhekk, wara “sidien” daqshekk ħorox li tagħhom sa dak il-waqt hi kienet proprjetà, Bakhita kellha “sid” differenti għal kollox – bid-djalett Venezjan, li issa kienet tgħallmitu, kienet issejjaħ “paron” lil Alla l-ħaj, lil Alla ta' Ġesu Kristu. Sa dak il-waqt kellha biss sidien jew padruni li kienu jkasbruha u jittrattawha ħażin, jew l-aktar kienu jqisuha lsira ma tiswa għal xejn. Issa, iżda, kienet tisma' 'l min jgħidilha li jeżisti “paron” li hu 'l fuq mis-sidien kollha, is-Sinjur tas-sinjuri kollha, u li dan is-Sinjur hu tajjeb, it-tjubija nfisha. Saret taf li das-Sinjur kien jaf lilha wkoll, ħalaq lilha wkoll – anzi li kien iħobbha. Hi wkoll kienet maħbuba, u sewwa sew mill-“Paron” suprem, li quddiemu s-sidien l-oħrajn kollha huma biss qaddejja li ma jiswew għal xejn. Hi kienet magħrufa u maħbuba u kienet mistennija. Anzi das-Sid ħabbat wiċċu hu nnifsu mad-destin li jkun imsawwat u issa kien qiegħed jistennieha “fin-naħa tal-lemin ta' Alla l-Missier”. Issa hi kellha t-“tama” – mhux aktar dik it-tama biss li ssib sidien anqas ħorox, imma t-tama l-kbira: jiena maħbuba għal dejjem u jiġri x'jiġri, din l-Imħabba qiegħda tistennieni. U għalhekk ħajti hija tajba. Permezz tal-għarfien ta' din it-tama hija kienet “mifdija”, ma ħassithiex aktar ilsira, iżda bint ħielsa ta' Alla. Fehmet dak li ried ifisser Pawlu meta fakkar lill-Efesin li qabel kienu bla tama u bla Alla fid-dinja – bla tama għax bla Alla. Għalhekk meta riedu jerċgħu jeħduha lejn is-Sudan, Bakhita ma riditx; ma riditx terġa' tinfired mill-“Paron” tagħha."

Wara tliet snin Michieli reġa' lura l-Afrika fejn kellu lukanda u ħalla lil bintu u lil Bakhita f'idejn l-Istitut tal-Katekumeni ta' Venezja tas-Sorijiet Kanossjani. Bakhita saret katekumena u bdiet titgħallem ir-reliġjon Kattolika.

Meta mart Michieli marret lura biex tieħu lil bintha u lil Bakhita l-Afrika, Bakhita rrifjutat b'kuraġġ u determinazzjoni u riedet tibqa' mas-sorijiet Kanossjani. Michieli irrikorriet għand il-Prokuratur tar-Re, u daħal ukoll fil-kwistjoni l-Kardinal Patrijarka ta' Venezja Domenico Agostini, li ma setgħu jagħmlu xejn għax fl-Italja ma kienx hemm liġi tal-iskjavitù: u nhar id-29 ta' Novembru 1889 Bakhita ġiet iddikjarata legalment libera.

Konverżjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Fid-9 ta' Jannar 1890, hija tgħammdet, għamlet il-Griżma tal-Isqof u rċeviet l-Ewwel Tqarbina minn idejn il-Patrijarka ta' Venezja u tawha l-isem ta' Giuseppina Margherita Fortunata.

Fit-8 ta' Diċembru 1896, f'Verona, għamlet il-professjoni tal-voti fi ħdan il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Kanossjani. Fl-1902 kienet trasferita fi Schio fil-provinċja ta' Viċenza fejn kellha tibqa' sal-aħħar ta' ħajjitha. Minn dak iż-żmien – flimkien mal-ħidmiet tagħha fis-sagristija u l-portinerija tal-kunvent – fittxet l-aktar permezz ta' bosta vjaġġi fl-Italja li tgħin lill-missjoni: il-ħelsien li ħadet bil-laqgħa ma' Alla ta' Ġesù Kristu, ħasset li kellha tferrxu, kellu jingħata wkoll lill-oħrajn, lill-akbar għadd possibbli ta' persuni. It-tama, li twieldet għaliha u “fdietha”, ma setgħetx iżżommha għaliha; din it-tama kellha tilħaq lil ħafna, lil kulħadd. F'Vicenza għadhom isejħulha l-"Madre Sewda", bit-Taljan "Madre Moretta".